Ġuvni ta’ 21 sena miet wara li allegatament intlaqat minn oġġett mekkaniku waqt li kien miexi f’dar tal-waħx f’park tad-divertiment ġewwa Hong Kong.
Ir-raġel, li ġie identifikat biss mill-kunjom tiegħu Cheung, instab mitluf minn sensih ħames minuti wara li daħal fl-attrazzjoni li ġġib l-isem ta’ ‘Buried Alive’ f’Ocean Park.
L-uffiċjali tal-Park qalu li l-inċident seħħ għaliex l-vittma mexa f’żona pprojbita.
L-attrazzjoni hija parti mill-festival annwali tal-Halloween tal-park tad-divertiment, u s-Sur Cheung kien parti minn grupp li kellu l-opportunita’ jżur s-sit qabel l-ftuħ tal-bibien fil-5 ta’ Ottubru.
Il-Pulizija qalet li tinsab għaddejja b’investigazzjoni, filwaqt li ‘Buried Alive’ ingħalqet sakemm jinħareġ avviż ieħor.