Se jkunu qed jitpoġġew għall-bejgħ ‘il fuq minn ħames mitt oġġett li huma relatati jew anke li intużaw fil-films ikoniċi ta’ James Bond.
L-ispija li affaxxina ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ segwaċi tal-films tiegħu reġa’ sab ruħu fl-aħbarijiet hekk kif sid mhux magħruf minn Somerset biegħ kollezzjoni vasta ta’ memorabilja li kien ilu jakkumula tul is-snin.
Il-kollezzjoni, li sa riċentament kienet għall-wiri fid-dar tal-bejjiegħ anonimu, issa tinsab f’idejn il-kumpanija tal-irkant minn Dudley ‘Aston Auctioneers’.
Fost l-affarijiet li se jiġu rkantati nsibu skripts oriġinali li ntużaw mill-atturi, armi, settijiet tal-koktejls, ħwejjeġ u anke s-siġġu li kien ipoġġi fuqu Roger Moore waqt il-ġbid tas-serje ta’ films.
L-irkant ta Bond, flimkien ukoll ma’ biċċiet minn films oħrajn, mistenni jsir it-Tlieta 19 ta’ Settembru.