Il-kumpanija tal-linja tal-ajru Ryanair se tkun qed tikkanċella 50 titjira kuljum għal dawn is-sitt ġimgħat li ġejjin, dan sabiex ittejjeb l-puntwalità tat-titjiriet.
Dan il-pjan tħabbar mir-Ryanair ilbieraħ fejn ġie sostnut li mhux aċċettabbli li 80% tat-titjiriet ta’ dan ix-xahar ma waslux fil-ħin.
Apparti minn hekk l-istess kumpanija sostniet li din id-deċiżjoni ttieħdet ukoll sabiex issolvi l-problema tal-leave tal-ħaddiema li akkumula matul din is-sena.
Din id-deċiżjoni se tkun qed taffetwa madwar 285,000 passiġġier, li ġew offruti titjiriet alternattivi jew flushom lura.
Kienu bosta li lmentaw fuq il-midja soċjali fejn sostnew li mhux sew li bniedem ġie mwissi dwar din id-deċiżjoni jum qabel it-titjira.