L-Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lill-Monsinjur Paul Carmel Vella bħala Prepostu Arċipriet tal-Parroċċa ta’ Santa Liena, f’Birkirkara.
Mons. Paul Vella twieled fit-23 ta’ Settembru 1961, fis-Siġġiewi. Irċieva l-edukazzjoni primarja fl-iskola tas-Siġġiewi, u dik sekondarja f’Ħaż-Żebbuġ. Wara li daħal is-Seminarju tal-Arċisqof, kompla bl-istudji fil-Fakultà tat-Teoloġija f’Tal-Virtù, ir-Rabat, u ggradwa fit-Teoloġija Pastorali mill-Universitàta’ Malta.
Kien ordnat saċerdot fit-8 ta’ Lulju tal-1988, u beda l-ħidma tiegħu bħala segretarju u kappillan tal-Arċisqof Ġużeppi Mercieca, fejn dam għal seba’ snin. Matul dan is-snin, Mons. Vella kien ukoll Ċeremonjier tal-Kapitlu Metropolitan, u bejn l-1993 u l-1995 kien ukoll id-Delegat tal-Arċisqof għal-Liturġija u Ċeremonjier Djoċesan. Fl-1995 mar jistudja d-Dritt Kanoniku f’Ruma fejn wara li ggradwa fil-Liġi Kanonika, irritorna Malta u bejn l-1997 u l-2001 kien id-Difensur taż-Żwieġ fit-Tribunal Ekkleżjastiku tal-Ewwel Istanza ta’ Malta. Bejn l-2001 u 2017 kien iservi bħala mħallef fl-istess Tribunal tal-Ewwel Istanza.
F’Novembru tal-2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Mons. Vella bħala kappillan tal-Monasteru ta’ San Pietru fl-Imdina u kordinatur tal-kawża tal-kanonizzazzjoni tal-Beata Marija Adeodata Pisani O.S.B.