Fl-ewwel mitt jum tiegħu, il-Gvern ħabbar proġett li bih se tiġi ġġenerata l-enerġija mill-iskart.
Fl-isfond tas-sbuħija tal-Imdina, il-Ministru għal Ambjent Jose’ Herrera saħaq li fid-dawl li l-miżbla tal-Għallies kull ma tmur qed timtela’ tant li fadlilha biss sentejn oħra, ħa azzjoni importanti.
Spjega li ħatar Kummissjoni magħmula fost l-oħrajn minn ambjentalisti bħal Professur Edward Mallia u qal li sal-aħħar ta’ din is-sena trid tħejji rapport ta’ kif se jitwettaq il-proġett.
Il-proġett tal-enerġija mill-iskart mistenni jiswa mhux aktar minn mija u ħamsin miljun ewro u dan jinkludi l-bini ta’ inċineratur, bl-aħħar teknoloġija.
Dan ifisser li l-inċineratur ikun konformi mal-kriterji tal-emmissjonijiet kif stabbiliti mill-Unjoni Ewropea.
Preżentament, pajjiżna jiġġenera mitejn u sebgħin elf tunnellata ta’ skart fis-sena.
Il-Ministru Herrera spjega li erbgħin fil-mija ta’ dan l-iskart mistenni jintuża biex tiġi ġġenerata l-enerġija.
Qal li dan il-proġett mistenni jkun lest sal-elfejn u tlieta u għoxrin, u dan ifisser li l-miżbla tal-Għallies se sservi ftit aktar permezz tar-rimi tal-iskart b’mod aktar bil-għaqal u se tintuża miżbla oħra maġenb tal-Għallies.
Filfatt il-Wasteserv se tkun qed tħaffer ħofra iżjed fonda maġenb il-miżbla tal-Għallies ħalli sakemm jitlesta l-proġett innovattiv, ikun hemm landfill oħra.
Il-Ministru żied jgħid li dan il-proġett kien l-aħjar wieħed fost għażliet oħra li kellu l-Gvern, fosthom li jesporta l-iskart li jiġi jiswa spiża enormi.
Jose’ Herrera spjega li dan il-proġett huwa ta’ ħtieġa għal pajjiż jekk ma jridx li biex ikollu fejn jarmi, pajjiżnajkollu bżonn medda t’art daqs żewġ grawnds tal-futbol fis-sena.
Huwa aċċenna għal bżonn li l-pajjiż jirriċikla iżjed fejn preżentament tnax fil-mija biss tal-iskart qed jiġi riċiklat.
F’dan il-kuntest semma wkoll skemi li se jkun qed iħabbar fiż-żmien li ġej biex titnaqqas il-ġenerazzjoni tal-iskart.
Fost dawn semma l-iskema li tirċievi rifużjoni ta’ flus permezz tal-irritornar tal-fliexken vojta.
Intant il-Ministru Herrera iddikjara li l-Oppożizzjoni għażlet li ma tagħtix il-kontribut tagħha f’dan il-kumitat għal dan il-proġett tant importanti fil-qasam ambjentali.
Filwaqt li tenna li l-bieb għall-Oppożizzjoni jibqa’ miftuħ, spjega li x-shadow Minister Karol Aquilina qal li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista mhux lesta li tipparteċipa.