Apparat li ntuża bħala splussiv fuq it-Tube f’Londra ħalla minn tal-inqas 22 persuna midruba, bil-maġġor parti tagħhom iġarrbu ġrieħi relatati ma’ ħruq.
L-Assistent Kummissarju f’Londra, Mark Rowley, sostna li bħalissa huma mijiet ta’ investigaturi li qed jaħdmu fuq il-każ li seħħ dalgħodu meta għall-ħabta tat-9:20 seħħet splużjoni qrib l-istazzjon ta’ Parsons Green.
Tnejn u għoxrin persuna qed jirċievu l-kura neċessarja l-isptar wara li ġarrbu xi ħruq meta seħħet l-isplużjoni f’waħda mill-kabini.
Dan il-każ qed jitqies bħala wieħed terroristiku. Ritratt fuq il-midja soċjali wera barmil abjad f’baskett, iżda ma jidhirx li kien hemm xi ħsarat kbar.
It-Trasport għal-Londra kitbu messaġġ fuq twitter fejn qalu li qed jinvestigaw l-inċident li seħħ f’Parsons Green.
Intant il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin sostna s’issa ma rċieva ebda rapporti dwar Maltin li huma midruba.
Il-Ministeru se jkun qed ikompli jsegwi dan il-każ. Kull min għandu xi membri tal-familja fiż-żona jew jixtieq jagħmel rapport ta’ persuni/a nieqes/sa jista billi jagħmel kuntatt mal-Kummissjoni Għolja ta’ Malta fuq +44 (0) 20 72924800 jew +44 (0) 7836 503990.