Propju kelb u qattus, hekk jista’ wieħed jiddeskrivi l-imġieba ta’ Adrian Delia u Chris Said fl-aħħar dibattitu kabel it-tesserati jivvutaw għal min minnhom se jgħażlu bħala kap minvlok Simon Busuttil. B’ attakki wieħed lil ieħor, jibqa evidenti li għall-Partit Nazzjonalista l-problemi għadhom biss fil-bidu.
Dik li kellha tkun tellieqa bejn il-ħbieb spiċċat fi gwerra għall-mewt, b’attakki mfajra bl-addoċċ li jħallu lill-Partit Nazzjonalista iktar diviżiv milli qatt kien. Ħareġ iktar fil-beraħ il-ġlied bejn il-fazzjonijiet ta’ Chris Said u Adrian Delia.
F’eloġju lill-Fenech Adami, tentativ sabiex jiġbed is-simpatija, Chris Said aċċenna li hu qed jirrapreżenta it-triq tas-sewwa, u attakka lil Adrian Delia li jrid lill-Partit Nazzjonalista jsir kopja tal-Partit Laburista.
Delia kritika d-deċiżjoni ta’ Simon Busuttil li jingħaqad ma’ Marlene Farrugia u l-Partit Demokratiku. Tenna li din l-alleanza qatt ma kellha ssir.
Chris Said malajar ġibed it-tapit lill-Adrian Delia hekk kif akkużah li fl-aħħar elezzjoni hu kien biss spettatur.
Intensifikaw l-attakki hekk kif b’botta u risposta Adrian Delia akkuża lil Said li huwa politiku antik, u li huwa hu l-għażla l-ġdida.
Sfaxxaw il-ftehim u l-ħbiberiji hekk kif issa l-kandidati issa qed jgħidu li mhux jifhmu lil xulxin jew aħjar li ma jridux jifhmu.
Għal diversi drabi Said jitlob lil Delia isemmi l-ismijiet ta’ min huma dawk li jiffurmaw parti mill-establishment. Jippunta lejn tabella bit-ritratti ta’ Daphne Caruana Galizia, Fenech Adami u ħafna nies oħrajn. U jtenni li l-establsihment fil-Partit Nazzjonalista ma jeżistix. B’Delia ma jsemmi l-ebda isem.
L-aħħar kelma tibqa’ għand Chris Said hekk kif itenni li hu diġa għandu siġġu tal-Parlament u m’għandu bżonn l-ebda Membru Parlamentari iċedilu s-siġġu. Dan fid-dawl li Jean Pierre Debono kien lest li jagħmel dan għall-Delia, u li issa li reġa lura minn kliemu, Delia jgħid li hemm ħaddieħor lest li jagħmel dan.
Intant fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li d-dibattitu bejn Said u Delia kien prova ċara ta’ kemm it-tesserati tal-Partit Nazzjonalista, li ngħataw id-dritt tal-vot, m’għandhomx għażla.