Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis iltaqa’ mal-Kumitat tar-Reġjun tat-Tramuntana u qal li hekk kif ħa l-inkarigu ta’ segretarju parlamentari mal-ewwel beda bil-ħidma li għandha twassal għal riforma fil-qasam tal-Gvern Lokali.
Silvio Parnis qal li l-istrateġija tar-riforma tinkludi b’mod kruċjali li jkun hemm konsultazzjonijiet u diskussjonijiet mas-setturi kollha biex jittieħdu l-aħjar deċiżjonijiet. Ir-riforma tal-Gvern Lokali trid tara bidla fir-rwol u fil-poteri tar-reġjuni u s-Segretarju Parlamentari qal li jixtieq jiltaqa’ ma’ dan ir-reġjun biex jisma’ l-aspirazzjonijiet u l-proposti li għandu għall-bidliet li hemm bżonn isiru. Biex jitwettqu l-aspirazzjonijiet u l-proposti diversi, hemm bżonn ta’ fondi meħtieġa għalhekk ġew ivvutati wkoll fondi speċifiċi biex ir-reġjuni jwettqu pjan ekonomiku, soċjali, kulturali u reġjonali.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis qal li hu kuntent bil-kontribut ta’ kulħadd u li għandu jkun hemm riforma fil-qasam tal-Gvern Lokali li tħares lejn l-interessi ta’ kulħadd, kemm ta’ dawk li joperaw fil-kunsilli lokali kif ukoll ta’ dawk li jirċievu servizzi mingħandhom, filwaqt li appella biex issir ħidma kollettiva biex b’hekk din ir-riforma tkun suċċess.