Il-ħdax ta’ Settembru jibqa’ mfakkar bħala jum iswed għall-Istati Uniti.
Jum li biddel id-dinja hekk kif it-theddida mit-terroriżmu fuq il-pajjiżi tal-Punent għadha hemm, sittax-il sena wara li ġara.
Il-ħin kien id-disgħa neqsin sittax-il minuta ta’ filgħodu, ħin fi New York. Sa ftit minuti qabel kienet għodwa normali, jum li fih n-nies kienu qamu għal ġurnata xogħol oħra.
Ix-xokk kien evidenti, b’wieħed mit-torrijiet qed jaqbad, il-ħsieb tan-nies li kienu fl-ajruplan u dawk maqbuda fit-torri.
Ftit aktar minn kwarta wara ajruplan ieħor jidħol fit-tieni torri fi New York.
Kollox ġara malajr iżda mal-ewwel kien ċar li l-Amerka kienet attakkata mit-terrur.
Dak il-ħin il-President Amerikan ta’ dak iż-żmien George Bush kien fi skola primarja li meta nfurmawh b’dak li ġara, bħal inħasad u għal ftit minuti baqa’ b’wiċċu miblugħ.
Sadanittant bdew jidhru jaqbżu nies minn fuq it-twin towers hekk kif f’sitwazzjoni tant iddisprata riedu jaħarbu minn dak in-nar tal-infern.
Ftit aktar minn siegħa wara jaqa’ l-ewwel torri imbagħad jiġġarraf l-ieħor biex illum fil-post fejn kien hemm it-torrijiet imorru eluf ta’ nies isellmu l-vittmi.
Dakinhar ukoll ajruplan iġġarraf fil-Pentagon u ieħor f’għalqa f’Pennsylvania.
B’kollox f’dawn l-attakki mietu kważi tlett t’elef ruħ u ftit anqas minn għaxar snin wara nqatel il-moħħ ewlieni wara dawn l-attakki.
Bin Laden, il-kap tal-Al-Qaeda ġie eliminat mix-xena tat-terroriżmu iżda sittax-il sena wara t-terroriżmu għadu jhedded is-sigurtà fid-dinja li trid tgħix fil-propserità u l-paċi.