Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li jekk hemm xi ħadd li tawwal il-proċess quddiem il-Qorti huwa Simon Busuttil innifsu li jaħseb li għandu dritt li jagħżel min ikun ġudikant fil-kawżi li jkun involut fihom hu.
Il-Partit Laburista qal li kieku ma ressaqx din l-oġġezzjoni l-appell li hemm quddiem l-Imħallef Antonio Mizzi diġa’ beda jinstema’. Iżda minkejja l-kundanni kontra l-aġir tiegħu, Simon Busuttil baqa’ jinsisti sa dalgħodu li jrid jibdel il-ġudikant.
Il-Partit Laburista tenna li fl-istess ħin, bħala kap caretacker tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil qed jippersisti bl-istess tattiċi ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali fejn jinterpreta u jdawwar b’mod kif jaqbel lilu deċiżjonijiet b’rabta ma’ proċessi legali.
“Kien ikun aħjar li Simon Busuttil jiddikjara jekk meta jkun ikkonfermat li l-kampanja tiegħu fil-konfront tal-Prim Ministru u familtu kienet gidba ux se jirriżenja minn membru parlamentari. Dan biex jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dak li qal” kompla l-Partit Laburista.
“Din l-isfida ilha ssir xhur u minkejja d-diskors kollu tiegħu dwar responsabbiltà sal-lum għadu ma ddikjarax li jkun lest jerfa’ responsabbiltà ta’ għemilu.”