Il-General Workers’ Union mhix qed taqbel mal-proposta mressqa mill-Kamra tal-Kummerċ biex il-ħaddiema tal-Gvern ma jibqgħux igawdu mill-ħinijiet tas-sajf, komuniment magħrufa bħal nofstanhari. Qalet dan permezz ta’ stqarrija fejn sostniet li filwaqt li mhux il-ħaddiema kollha fis-servizz jew settur pubbliku jibbenefikaw minn dawn il-ħinijiet, dawk li iżda jibbenefikaw ikunu ħadmu għalihom matul ix-xhur tax-xitwa.
Is-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi tal-GWU Jeremy Camilleri assigura lill-ħaddiema tal-gvern li l-Union mhix se taċċetta l-ebda tibdil fil-ħinjiet. Saħaq li din il-proposta min-naħa tal-Kamra tal-Kummerċ hija intiża biex tpatti għall-wegħda fil-manifest elettorali fejn il-Gvern qal li se jkun qed jagħti lura l-jiem ta’ vaganza meta l-festi pubbliċi jiġu fi tmiem il-ġimgħa.
Għalkemm sa issa ma kien hemm l-ebda talba biex xi ħaddiema jitneħħewlhom in-nofstanhari, il-GWU ssostni li huwa importanti li fi żmien fejn l-ekonomija tinsab għaddejja minn perjodu pożittiv u ta’ tkabbir, issa huwa l-aqwa żmien li l-ħaddiema jaraw titjib fil-kundizzjonijiet tagħhom u mhux tnaqqir fil-benefiċċji li b’negozjar irnexxielhom jiksbu matul is-snin.