F’konferenza tal-aħbarijiet fi Ġnien il-Gardjola fl-Isla ttellgħu l-poloz tar-Regatta ta’ Jum il-Vitorja. Għal darba oħra l-Port il-Kbir se joffri sfond għal din ir-regatta li se jieħdu sehem fiha 7 distretti: il-Birgu, Birżebbuġa, Bormla, l-Isla, il-Kalkara, il-Marsa u Marsamxett li lkoll jipparteċipaw f’għaxar tlielaq f’żewġ kategoriji differenti, A u B. Din is-sena mistennija jieħdu sehem 120 qaddief li se jiżdiedu magħhom 25 sostitut b’għan komuni – li jirbħu x-shield tar-Regatta ta’ Jum il-Vitorja.
Fl-istess konferenza s-Segretarju Parlamentari Clifton Grima rringrazzja lil dawk involuti fir-regatta u qal li “bħala gvern kommessi li nipprovdu l-għajnuna kollha neċessarja fl-isport tar-regatta”. Clifton Grima spjega li “SportMalta tagħti input dirett fir-regatta nazzjonali billi tagħti għajnuna finanzjarja biex isir l-avveniment, tieħu ħsieb il-loġistika tar-regatta iżda tagħti awtonomija lill-Federazzjoni rigward it-tlielaq, tassisti lill-clubs kollha b’assistenza finanzjarja biex kull club jibni dgħajsa kif ukoll ir-riżultati tar-regatta jiġu trażmessi live fuq il-website ta’ SportMalta”.
Il-President tal-Malta Rowing Association irringrazzja lil dawk li jagħtu l-għajnuna tagħhom fir-regatta matul is-sena partikularment lis-Segretarju Parlamentari Clifton Grima u lil SportMalta li jipprovdu appoġġ finanzjarju u loġistiku għal dan l-avveniment kumpless. Il-President qal li “l-qdif tal-baħar f’reġjun semi-magħluq bħall-port tagħna għandu l-isfidi uniċi tiegħu stess peress li l-kurrenti tal-ilma jistgħu jkunu imprevedibbli ħafna”. Il-President tal-Malta Rowing Association kompla li “sfortunatament f’dawn l-aħħar snin parzjalment minħabba l-progress mgħaġġel li qed tara Malta, it-taħriġ fuq l-ilma għar-regatta fil-Port il-Kbir qed isir aktar diffiċli minħabba ż-żieda sinifikanti fl-attività tad-dgħajjes kummerċjali. Il-qaddiefa qed isibuha diffiċli jagħmlu t-taħriġ tagħhom b’mod sigur”. Qal ukoll li minkejja dawn il-problemi xorta jħoss li l-assoċjazzjoni għamlet progress kbir fis-snin riċenti biex iżżid il-popolarità u l-integrità ta’ dan l-isport.
Tradizzjonalment id-dgħajjes li jintużaw huma l-frejgatini, il-kajjikki, id-dgħajjes tal-pass u tal-medalji, li lkoll huma esebizzjoni ħajja ta’ sengħa li qed tintilef, l-aktar għax dawn id-dgħajjes huma mibnija f’pajjiżna. Oriġinarjament id-dgħajjes kienu tal-istess għamla ta’ dawk li kienu jintużaw fil-ħidma ta’ kuljum tal-barklori madanakollu maż-żmien saru xi modifikazzjonijiet biex jiġu utilizzati bħala dgħajjes tat-tlielaq.
Intant ir-Regatta ta’ Jum il-Vitorja ppjanata li tibda fis-siegħa ta’ waranofsinhar u l-pjazzament tal-korsiji se jkun kif ġej:
RACE | BIRGU | BIRŻEBBUĠA | BORMLA | ISLA | KALKARA | MARSA | MARSAMXETT |
KAT B TAL-PASS ŻEWĠ IMQADEF | 3 | 5 | 7 | 4 | 2 | 6 | 1 |
KAT A MIDALJI | 3 | 5 | 1 | 7 | 6 | 4 | 2 |
KAT B KAJJIKK | 2 | 5 | 4 | 3 | 7 | 6 | 1 |
KAT A FREJGATINI | 2 | 6 | 1 | 3 | 4 | 7 | 5 |
KAT B MIDALJI | 7 | 1 | 3 | 2 | 6 | 4 | 5 |
KAT A TAL-PASS ŻEWĠ IMQADEF | 2 | 5 | 6 | 7 | 3 | 4 | 1 |
KAT B FREJGATINI | 5 | 1 | 4 | 3 | 7 | 6 | 2 |
KAT A KAJJIKKI | 7 | 5 | 1 | 2 | 6 | 3 | 4 |
KAT B TAL-PASS 4 IMQADEF | 5 | 3 | 2 | 6 | 1 | 4 | 7 |
KAT A TAL-PASS 4 IMQADEF | 7 | 5 | 2 | 6 | 4 | 1 | 3 |