Fost l-intriċċi u t-teatrini li qed jaħkmu l-elezzjoni għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, il-kandidati qed jispiċċaw jiżbaljaw l-iktar fatti sempliċi. Qal dan fi stqarrija il-Partit Laburista.
Iktar kmieni llum il-kandidat għall-Kap, Adrian Delia, qal li hu u Chris Said se jagħtu lezzjoni lill-Partit Laburista għax fil-ħatra ta’ Kap se jivvotaw it-tesserati. “Dan ifisser li l-kandidati għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista anke fl-iktar bażiku qed jiżbaljaw,” tenna l-Partit Laburista.
Kien il-Partit Nazzjonalista li fl-ewwel nofs tal-2014 ikkopja l-bidliet fl-istatut li għamel il-Partit Laburista fl-2009, biex iddaħlet klawsola li għall-Mexxej jivvotaw lill-membri. Il-Partit Nazzjonalista segwa lill-Partit Laburista sitt snin wara li l-Partit Laburista, immexxi minn Joseph Muscat, għamel din il-bidla f’riforma kbira li saret bħala parti minn tiġdid bla preċedent li qatt ra partit politiku Malti.
“Il-fatti ma jmerihom ħadd. Bħalma ħadd ma jista’ jmeri l-fatt li l-Partit Laburista ma jistax jieħu lezzjonijiet mingħand Delia u Said dwar id-demokrazija meta l-elezzjoni bejniethom hija xhieda ta’ proċess li xejn mhu demokratiku,” qal il-Partit Laburista.