- KAMPANJA MAĦMUĠA SAL-AĦĦAR
Meta lbieraħ kienu qed jivvutaw il-membri tal-Kunsill Ġenerali ma naqasx il-logħob bil-għan li dawk li jikkontrollaw id-Dar Ċentrali jibqgħu jipprovaw jinfluwenzaw sal-aħħar.
Il-Partit Nazzjonalista ħa deċiżjoni li lbieraħ filgħodu jwaqqaf it-telefonati mill-programmi politiċi fuq Radio 101. Dan fl-istess ħin li bħala mistieden ta’ programm imxandar fl-ewwel nofstanhar li l-kunsillieri kienu qed jivvutaw, għażel lil Ivan Bartolo, ta’ 6pm.
Bartolo hu kandidat fl-aħħar elezzjoni ġenerali, li fl-aħħar ġimgħat iddikjara l-appoġġ tiegħu għal Alex Perici Calascione, il-kandidat favorit tal-establishment.
“Irid ikollok l-integrità biex tkun kap,” beda biex qal Ivan Bartolo li attakka wkoll id-dikjarazzjoni ta’ Adrian Delia li l-Partit Laburista huwa l-għadu mingħajr ma semmieh b’ismu.
Mistieden wara Ivan Bartolo, kien hemm il-Viċi Kap tal-Partit Mario De Marco, li wara li Delia ħareġ għonqu għalih fl-2013, hu ma deherx komdu jagħmel l-istess.
Minflok beda l-intervent tiegħu fuq ir-radju tal-PN billi faħħar lil Bartolo u tkellem dwar kemm il-PN għandu bżonn nies bħalu.
U anke l-Kap tal-Partit preżenti, Simon Busuttil, ma qagħadx lura milli jikkummenta.
Għax fil-jum li l-Partit Nazzjonalista beda jagħżel Kap ġdid, Simon Busuttil uża twitter biex tella’ ritratt tiegħu mal-partitarji tal-Partit Nazzjonalista u bagħat messaġġ.
Tlett ijiem wara li qal li Adrian Delia kellu jirtira mit-tellieqa għaliex l-allegazzjonijiet dwaru huma “serji” u “gravi” Simon Busuttil kiteb li l-futur tal-Partit Nazzjonalista issa huwa f’idejn il-kunsillieri.
“Illum il-ġejjieni tal-Partit Nazzjonalista huwa fl-idejn tajba tal-kunsillieri tal-partit. Jien ċert li se jivvutaw bl-interess tal-partit f’moħħhom,” kiteb Busuttil f’messaġġ ċar speċjalment meta wieħed iqis dak li seħħ fl-aħħar jiem.
Dawn id-deċiżjonijiet ikomplu juru kemm hi kumplessa l-kampanja elettorali għall-Kap fil-Partit Nazzjonalista. Kampanja maħmuġa b’attakki li ma waqfu xejn u dan wassal biex saħansitra ttieħdet id-deċiżjoni li l-partitarji ma jitħallewx iċemplu fuq l-istazzjon tal-partit. Anke biex ma jkunx hemm rabja pubblika għal dawn id-deċiżjonijiet li qed jittieħdu. “Anke fl-elezzjoni jkun hemm jum ta’ silenzju,” qal il-preżentatur Angelo Micallef ilbieraħ. Iżda, ilbieraħ ma kienx il-qofol. Manuvri kbar saru tul l-aħħar jiem b’Adrian Delia jirreaġixxi b’mod mill-iktar isteriku.
L-istil xejn kompost tiegħu kien karatteristika f’kull laqgħa li kellu fil-każini, iżda l-Ġimgħa filgħaxija qabeż kull limitu.
Fl-isfond tal-messaġġ tiegħu; mod ġdid, Adrian Delia organizza rally lejlet l-ewwel rawnd tal-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Spikkaw l-għajat, l-aggressività u l-isteriżmu.
Iddisprat biex jiġbed il-voti tal-kunsillieri, Delia ntilef f’dagħdigħa liema bħala.
Delia beda bir-radd tas-salib u għamel kważi nofs siegħa jgħajjat b’ton iddisprat.
Delia kellu diskors konfrontattiv u f’dagħdigħa li ntilef fiha beda jxejjer sebgħu u ħareġ kwalitajiet li mhuma inklussivi xejn.
L-avukat Karkariż kompla jgħajjat anke għax ried jirringrazzja lil ħuh. “Dak ħija, dak ħija mhux kriminal,” qal Delia għal iktar minn darba.
Bħal Simon Busuttil li għamel kampanja jħambaq u jgħajjat fit-toroq, Delia uża ton li jkexkex.
Bħalma fid-Dar Ċentrali, sejjaħ lill-Partit Laburista bħala l-għadu tiegħu, waqt ir-rally, Adrian Delia b’wiċċu jixhed disprament, silet parti mill-innu tal-Partit Nazzjonalista dwar l-għedewwa.
U jekk Simon Busuttil qal li Alla man-Nazzjonalisti, l-istess qal Delia, li bis-suppost mod ġdid tiegħu kompla juri l-aggressività tiegħu. “Alla magħna,” qal Delia.