Il-Kummissjoni Ewropea ppublikat ir-rakkomandazzjonijiet tagħha għal pajjiżna.
Tinnota li d-dejn tal-Gvern nieżel gradwalment u li l-Gvern għandu pjan, ibbażat l-aktar fuq l-investiment. Is-sena li għaddiet il-Gvern Malti investa ħafna, minbarra li assorba ammont sostanzjali ta’ fondi Ewropej qabel jagħlaq iż-żmien meta kellhom ikunu assorbiti fondi tal-perjodu 2007-2013.
Il-Kummissjoni għarfet il-passi li qiegħed jieħu dan il-Gvern favur is-sostenibilità tal-pensjonijiet. Esprimiet tħassib għall-fatt li l-popolazzjoni f’Malta dejjem qiegħda tikber fl-età u dan iħalli impatt fuq l-istabilità tal-finanzi pubbliċi. L-ispiża fuq il-pensjonijiet kienet inqas mill-medja Ewropea fl-2013, iżda mistennija titla għal 12.8% tal-Prodott Domestiku Gross sal-2020 – waħda mill-ogħla rati fl-Unjoni Ewropea. L-awtoritajiet Maltin, tagħraf il-Kummissjoni Ewropea, adottaw strateġija nazzjonali fil-qasam tas-saħħa u qiegħdin jevalwaw il-mod kif jintefqu l-flus fl-istess qasam.
Għalkemm tgħid li fadal xi jsir, il-Kummissjoni Ewopea tagħraf l-investiment sinnifikanti li qiegħed isir fil-qasam tal-edukazzjoni. Tfaħħar l-istrateġija ta’ lifelong learning, u tinkoraġġixxi aktar parteċipazzjoni. Tirrakoanda aktar aċċess għat-taħriġ u aktar sħubija bejn min jeduka u min iħaddem. Tirrikonoxxi l-impenn tal-Gvern biex għalliema jkomplu javvanzaw fil-professjoni tagħhom.
Il-Kummissjoni tirrakkomanda dejjem aktar innovazzjoni sabiex pajjiżna jkompli jinvesti u jattira investiment. Fost l-ikbar sfidi għall-investiment barrani lejn Malta issemmi l-infrastruttura.
Il-Gvern Malti, tgħid il-Kummissjoni, ħa diversi passi sabiex itejjeb l-aċċess għall-finanzi lil intrapriżi żgħar u medji. Dawn għenu ħafna sabiex ikun hawn ekwità u flus għall-investiment – problemi li kienu jxekklu lil dawn it-tip ta’ intrapriżi fil-passat.
Għaldaqstant il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Gvern Malti jieħu dejjem aktar passi biex jikkontrolla d-dejn, u aktar miżuri favur l-istabilità fit-tul tal-finanzi pubbliċi. Tirrakkomanda wkoll passi sabiex dawk li għandhom ftit ħiliet ikunu aktar mħarrġa, sabiex ikun imsaħħaħ is-suq tax-xogħol.