Illum Paul qed jgħix kuntent u f’serħan il-moħħ minħabba l-jeddijiet li nkisbu f’dawn l-aħħar erba’ snin. Iżda biex wasal s’hawn il-ħajja ma kinitx ward u żahar tant li fi kliemu kien il-bidu ta’ tmiem tar-relazzjoni man-nies tad-dar.
Sitt snin ilu Paul, xtaq li jibda jgħix ħajtu kif verament jixtieq. Imma meta mar bl-aħbar għand il-ġenituri tiegħu, l-affarijiet ma marrux kif xtaq.
Paul għandu sitta u tlettin sena.Huwa Għawdxi iżda ilu għal dawn l-aħħar sitt snin jgħix Malta. Paul jaħdem bħala fotografu u lettur tal-accounts l-MCAST.
Illum jgħix f’kuntentizza mal-persuna li jħobb. Madankollu, sakemm wasal s’hawn il-ħajja ma kinitx faċli.
Paul stqarr magħna li ma kienx jemmen li fi żmien erba’ snin pajjiżna kien se jagħmel qabżiet kbar fid-drittijiet ugwali.
Fisser kif dawn l-erba’ snin, persuni LGBTIQ ingħataw d-drittijiet li huma tagħhom bid-dritt.
Saħansittra, mill-ewwel ta’ Settembru persuni omosesswali jistgħu jiżewwġu bil-liġi l-ġdida tal-ugwaljanza fiż-zwieġ.
Madankollu, Paul jemmen li fadal ħafna xi jsir fosthom biex tonqos l-istigma.
Viżibilment emozzjonat Paul iħares lura lejn dak li għaddha minnu f’dawn l-aħħar snin, biex illum qed jgħix ħajtu kif verament jixtieq.
U ottimist li f’kuntentizza jkompli jgħix fil-futur.