Ħamest irġiel u żewġ nisa temmew b’success programm tas-Sedqa għar-rijabilitazzjoni mid-droga. Tul is-snin is-Sedqa ħadmet ma’ mijiet ta’ żgħażagħ li sfaw mirkuba mill-vizzju tad-droga. Uħud minnhom reġgħu waqgħu fil-vizzju waqt li oħrajn reġgħu ħadu r-riedni f’idejhom u qabdu t-triq tas-success.
Fic-cerimonja tal-gradwazzjoni tal-bieraħ spikkaw l-esperjenzi tal-irġiel u n-nisa, fosthom ta’ mara li fl-aħħar xhur għamlu sagrificcji kbar biex ħarġu mill-vizzju tad-droga.
Iċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni, li għaliha kienu preżenti wħud mill-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, saret wara li dawn l-irġiel u n-nisa segwew programm ta’ rijabilitazzjoni mifrux fuq medda ta’ xhur u għadd ta’ fażijiet difficli fosthom dik li għal perjodu ta’ xahrejn ma joħorġu qatt mir-residenza f’Ħal Farruġ.
ONE NEWS tkellem ma’ mara li ntribket sew mill-vizzju tad-droga tant li spiccat fil-prostituzzjoni u aktar tard il-ħabs.
Viżibbilment emozzjonata, spjegatilna x’ħeġġiġha tibda l-programm.
Hija kellha messaġġ qawwi għall-persuni bħalha li sfaw mirkuba mill-vizzju tad-droga.
Matul il-lejl tal-gradwazzjoni spikkaw ukoll mumenti emozzjonali. Ħafna mill-qraba dehru mbikkma jaraw lil uliedhom jiggradwaw u joħorġu minn din it-triq li kienet qerditilhom ħajjithom.
Spikka mument li matulu wieħed miż-żgħażagħ qara poeżija li kiteb waqt li kien għaddej bil-programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga fil-Komunita’ ta’ San Marija f’Ħal Farruġ.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Appoġġ Alfred Grixti tkellem dwar il-ħidma li qed issir biex aktar zgħazagħ joħorgu mill-vizzju tad-dorga. Żied jgħid li dan hu jum speċjali, kemm għal dawk li gradwaw mill-programm, kif ukoll għal dawk il-professjonisti li kienu ta’ għajnuna.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjeta u Socjali Michael Falzon qalilhom li mingħajr sagrifiċċju fil-ħajja ma jsir xejn. Dan waqt li ferħilhom għall-impenn li wrew, u s-suċċess li finalment kisbu.