Il-Kummissarju għall-Ambjent fi ħdan l-uffiċċju tal-Ombudsman ikkonferma t-tagħrif li wasal għand l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż. Dak li għamel xogħol privat meta nħatar fl-uffiċċju tal-Ombudsman. Xi ħaġa li mhix permessa bil-liġi. F’ittra mibgħuta lill-ispeaker tal-kamra Anglu Farrugia, David Pace prova jiġġustifika l-pożizzjoni tiegħu u saħansitra ammetta li minbarra dak imsemmi fid-dokument anonimu għamel xogħol ieħor
Qal li f’Lulju 2012 meta nħatar bħala Kummissarju beda jorganizza l-uffiċċju privat u l-Perit Katia Agius, li sab biex taħdem miegħu, riedet il-ħin biex issib polza tal-assigurazzjoni. Żied li sakemm seħħ dan il-MEPA talbet ‘method statement’ b’rabta mal-permess li kien qed jintalab fuq proprjetà fil-Belt u għalkemm kien inħatar Kummissarju aġixxa f’isem l-applikant.
“Però kien hemm objectors li fetħu appell kontra l-ħruġ tal-permess. Għalhekk, minhħabba li kellha tiddaħħal risposta fi żmien qasir, lestejt tweġiba min-naħa tal-applikant,” kiteb Pace lill-ispeaker.
Filwaqt li f’ebda ħin ma’ indika li lest jerfa’ xi tip ta’ responsabbiltà, żied iktar minn hekk.
“Jien kelli diversi kawżi tal-Qorti li fihom kont ġejt maħtur Perit. Dawn il-perizji jien għalaqthom billi lestejt ir-rapport tiegħi, fejn fl-aħħar waħda ppreżentajta xi ġimgħat ilu,” qal Pace biex ammetta li xogħol privat għamel iktar minn dak magħruf sa issa. Però żied li meta ħa l-kariga qalulu li seta’ jtemm ix-xogħol li kellu, anke jekk ma ndikax min qallu dan. Ammetta wkoll li għad hemm kawżi fejn qed jassisti bħala perit legali.
Fi kliem esperti legali li tkellmu magħna dan imur kontra l-liġi tal-Ombudsman. Saħansitra artiklu erbgħa tal-att dwar l-Ombudsman jgħid li l-Ombudsman m’għandu jagħmel ebda xogħol bi qligħ li jista’ jkun ukoll inkompatibbli mal-irwol tiegħu.
Il-każ ta’ Pace kien diġa’ qajjem mistoqsijiet kbar fl-2012 meta Flimkien għal Ambjent Aħjar kienet qajmet oġġezzjonijiet diġa’ b’rabta mal-applikazzjoni fil-Belt.