Wieħed mill-irġiel akkużati li f’April qatlu lil Brandon Pace fil-Ħamrun ingħata l-ħelsien mill-arrest, ħames xhur wara l-inċident u erbgħa xhur wara l-ko-akkużat l-ieħor.
Kurt Grech, minn Gwardamangia, tressaq il-Qorti flimkien ma’ missieru Joseph mixli bl-umiċidju ta’ Pace, allegatament minħabba ġlied li ilu għaddej bejn iż-żewġ familji.
Joseph Grech ta’ tlieta u ħamsin sena, tressaq flimkien ma’ ibnu taħt l-akkużi ta’ umiċidju volontarju u li kellu fil-pusses tiegħu fil-pubbliku arma ppuntata mingħajr il-permess tal-Pulizija.
Brendon Pace kien inqatel b’daqqiet ta’ sikkina barra l-appartament tiegħu fil-Ħamrun fit-2 ta’ April ta’ din is-sena. Il-vittma kien f’relazzjoni mas-sieħba ta’ Kurt Grech, omm it-tifel tiegħu.
Joseph Grech kien ingħata l-ħelsien mill-arrest f’Mejju.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Dr Aaron Bugeja laqat it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Kurt Grech fejn imponiet l-istess kundizzjonijiet imposti fuq missieru, b’depożitu ta’ għoxrin elf ewro u garanzija personali ta’ tmin t’elef ewro.