Qorti Ingliża semgħet kif suspettat terroristiku li kien arrestat quddiem il-Palazz Buckingham ried l-ewwel immur il-Kastell Windsor, iżda l-apparat ta’ navigazzjoni minflok ħadu f’pub bl-istess isem.
Mohiussunnath Chowdhury, li għandu sitta u għoxrin sena, kien arrestat quddiem ir-residenza tal-familja rjali l-Ġimgħa li għadda, fejn allegatament fuqu kellu xabla u beda jgħid ‘Allahu Akbar’ hekk kif kien arrestat.
Huwa deher quddim il-qorti tal-maġistrati f’Westminster fil-jum tal-Ħamis, akkużat li kien qed jipprepara li jwettaq att terroristiku.
Qed ikun allegat li l-inċident ħalla tlett uffiċjali tal-pulizija b’feriti ħfief. L-aggressur qed ikun allegat li telaq minn Luton sagħtejn qabel kien arrestat, u uża l-GPS biex isuq lejn il-Kastell Windsor.
Wara li wasal f’pub bl-istess isem, huwa kompla jsuq u spiċċa viċin il-Palazz Buckingham. Chowdhury qed ikun allegat li, b’Toyota Prius, saq lejn karozza tal-pulizija ftit wara t-tmienja w nofs tal-Ġimgħa filgħaxija u waqaf.
Waqt l-inċident, il-pulizija użat il-gass CS u arrestatu.