Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, reġa’ nsista li se jibqa’ membru tal-Parlament Malti.
Dan minkejja li Busuttil kien nominat mill-Parlament Ewropew biex iservi bħala membru ta’ kumitat li għandu l-funzjoni li jintervista u jagħti pariri fuq min għandu l-kompetenza li jservi bħala Imħallef tal-Qrati tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Iżda, kuntrarju għal dak li normalment jiġri, l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista ma kinitx maħsuba biex tħabbar il-ħatra ta’ Simon Busuttil f’dan il-kumitat.
Minflok it-titlu tagħha kien jaqra “Simon Busuttil se jibqa’ Membru Parlamentari.”
Din l-istqarrija qed tkun interpretata bħala reazzjoni għall-fatt li l-aħbar dwar il-ħatra ta’ Simon Busuttil ħarġet fl-aħħar sigħat minn The Malta Independent, magħrufa li qed tappoġġja lil Adrian Delia.
Adrian Delia m’għandux siġġu Parlamentari u dawk li jappoġġjawh, fosthom id-deputat Mario Galea, qalu li ladarba jinħatar kap ġdid Simon Busuttil għandu jwarrab.
L-istorja f’The Malta Independent kienet interpretata minn dawk madwar Simon Busuttil bħala iktar pressjoni f’dan is-sens u għalhekk irritaljaw bi stqarrija uffiċjali f’isem il-Partit Nazzjonalista.
Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Kumitat huwa kompost minn seba’ membri magħżula minn fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u jiltaqa’ madwar tmien darbiet fis-sena.
Il-ħatra ta’ Busuttil mistennija tidħol fis-seħħ minn Marzu tas-sena d-dieħla u ddum erba’ snin u għad trid tiġi kkonfermata mill-plenarja tal-Parlament Ewropew.