L-inbid lokali qiegħed kull ma jmur, jiġi mfittex dejjem aktar mill-konsumatur Malti u anke mit-turist.
Iżda ż-żieda fl-interess, minkejja li tkun ideali, jaf ikollha konsegwenzi mhux tant mixtieqa.
Dan intqal minn Jeremy Cassar, il-Kap Eżekuttiv tal-Marsovin waqt li indirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar l-andament tal-ħsad tal-għeneb għal din is-sena b’viżjoni lejn l-isfidi tal-futur.
Jeremy qal li l-akbar sfida hija dik tat-tħassib fuq l-eta medja tal-bdiewa Maltin u Għawdxin li qed tiżdied.
Dan hekk kif l-eta’ medja tal-bdiewa hija dik ta’ ħamsa u ħamsin sena.
Minbarra din l-isfida, qal li kuntrarju ghal fehma ta’ ħafna, din is-sena ma kienetx aħjar meta wieħed iqis il-volum ta’ għeneb li ġie maħsud.
L-ammont ta’ xita li giet rreġistrata għal din is-sena kien ta’ tliet mija u tmenin millimetru, bi tliet mija u erbgħin millimetru ta’ xita niżlet qabel nofs Frar, il-perjodu inattiv tad-dwieli u mhux dak veġetattiv.
Il-mewġa tas-sħana li laqtet il-gżejjer Maltin dan is-sajf,speċjalment is-sħana bla wafqien f’Awwissu, nixfet parti kbira mill-weraq tad-dwieli, b’hekk l-għenieqed tal-għeneb ġew esposti għax-xemx diretta b’konsegwenzi koroh speċjalment għal-għeneb indiġenu l-Girgentina u Ġellewża.
Jeremy sostna li Malta tista titlef is-sors għal-għenba Ġellewża u Girgentina u li mhix esaġerazzjoni li jista’ jkun nispiċċaw bla inbid.
Jeremy żied jappella għal aktar kollaborazzjoni bejn il-bdiewa lokali, l-vitikulturisti u l-Gvern biex jinstabu soluzzjonijiet għal dawn l-isfidi.