Dak li qed jaspira li jkun kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qalha ċara. Għalih, il-Partit Laburista huwa l-għadu.
Għalkemm kien hemm min fil-passat qal li xi ħadd jista’ jkollu ‘wiċċ ta’ Nazzjonalista’ u li d-DNA tal-Laburisti huwa differenti, issa Delia ħareġ ċar jiddikjara li l-Laburisti huma l-għedewwa. Fi kliemu stess:
“L-għedewwa tagħna mhumiex aħna, huma hemm barra, il-Partit l-ieħor. Żommha f’moħħok.”
Sfortunatament għalih, dan kellu jgħidu fid-Dar Ċentrali, fejn l-Kunsill Amministrattiv
Għalkemm ħareġ ċar daqs il-kristall min jiddetta l-aġenda fil-Partit Nazzjonalista, Delia insista “l-iktar ħaġa importanti huwa li l-Partit huwa ikbar minn kulħadd”. Kif taqbad tirreaġixxi meta tisma’ frażijiet bħal dawn? Qatt ma’ kienet ċara daqs illum li l-fazzjonijiet fi ħdan il-PN huma ikbar mill-Partit innifsu. Kif tispjega, kieku, il-fatt li ebda kandidat ta’ ċertu stoffa ma jixtieq ikun kap tal-partit tiegħu stess, meta hemm dak il-vojt kbir? Kif tispjega l-fatt li meta tikteb Caruana Galizia, il-Kunsill Amministrattiv ikun pront jiltaqa’ b’urġenza?
Fuq kollox, lil hinn minn kull għajta ta’ inklużjoni u ta’ partit li lest jilqa’ fi ħdanu lill-paladini tas-sewwa, kif intqal li kien il-PN fl-aħħar elezzjoni ġenerali, issa l-linja tal-kap prospettiv ġdid ħadet xejra għal kollox selettiva; għall-kollox estremista. Skont hu, hija tiġrija “biex il-PN verament jerġa’ jkun tan-Nazzjonalisti”.
Diffiċli bħalissa tifhem xi tfisser din l-għajta. Xi tfisser li tkun Nazzjonalist? Forsi li tħares lejn xi ħadd bi twemmin differenti, u tqisu bħala l-għadu tiegħek. Forsi li temmen qisu Vanġelu mqaddes dak kollu li tikteb Daphne Caruana Galizia, inkluż l-insolenzi kbar fuq kull livell immaġinabbli. Forsi li tkun tixtieq tappartjeni lil klabb esklussiv li m’għandux post għal min jifimha mod ieħor. Forsi tieħu gost tara dibattitu fejn flok viżjoni għall-pajjiż, ikollok kandidati li jixtiequ jsiru Kap tal-Partit iduru lejn xulxin bi swaba ppuntati.
Li hu żgur hu li qatt ma kien hemm konferma ċara daqs illum kemm għamel għażla tajba l-poplu Malti li vvota lil Joseph Muscat. X’differenza fl-għajtiet taż-żewġ partiti! Grazzi għal nies bħal Daphne Caruana Galizia, kieku kellha ssir elezzjoni llum, żgur li miżien ixaqleb b’mod aktar konvint minn qatt qabel lejn il-Partit Laburista. X’ironija!