Għall-ewwel darba, f’Għawdex se jsir l-International Food Festival – Gozo Edition fil-pjazza ewlenija tax-Xewkija. Dan tħabbar mill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fl-istess pjazza.
Waqt it-tnedija ta’ dan l-avveniment ġdid għal Għawdex, il-Ministru Caruana kellha l-opportunità tagħti xi dettalji dwar dan l-avveniment li ser isir fit-2 ta’ Settembru. Fost il-parteċipanti, se jkun hemm 7 kċejjen internazzjonali li se joffru għażla ta’ xejn inqas minn 50 platt differenti li żgur se jolqtu l-gosti ta’ dawk kollha li se jżuru dan il-festival. Il-Ministru Caruana qalet li dan l-avveniment se jagħti promozzjoni speċjali lill-prodott Għawdxi. Hi kompliet billi qalet li s-serata se tkun animata minn sessjonijiet ta’ live band u animazzjoni għat-tfal, filwaqt li fakkret li d-dħul għal dan l-avveniment hu bla ħlas u li se jkun hemm servizz mill-karozzi tal-linja mill-port tal-Imġarr għax-Xewkija u lura.
Il-Ministru għal Għawdex rrimarkat fuq l-importanza li l-Gvern Ċentrali qed jagħti sabiex jiġu organizzati aktar attivitajiet kulturali ta’ kwalità filwaqt li jingħata sostenn mhux biss lil dawn l-organizzazzjonijiet imma anke lill-individwi li juru impenn sabiex tittella’ attività kulturali. Hi esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li għalkemm din hija t-tielet sena konsekuttiva li qed jittella’ l-International Food Festival, dan l-avveniment issa sab postu fil-kalendarju kulturali ta’ Għawdex ukoll.
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll is-Sindku tax-Xewkija Paul Azzopardi, kif ukoll il-moħħ wara dan il-festival, Quinton Scerri.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit: maltainternationalfoodfestival