Margaret Brincat ħadet €10,000 f’kumpens wara li ħames snin ilu ġiet imkeċċija mix-xogħol inġustament wara li d-Direttur Maniġerjali tal-kumpanija Effective Marketing Limited, li għaliha kien jisma’ illegalment it-telefonati mal-klijenti tagħha.
It-Tribunal industrijali sema’ kif id-Direttur Maniġerjali, Jason Attard, installa programm sabiex jara jekk l-impjegata tkunx aċċessat il-Gmail jew il-Facebook mill-kompjuter tax-xogħol.
Brincat qalet kif hi bdiet taħdem għal Attard f’ Ottubru tal-2011 bħala sales manager. Spjegat kif Attard beda jissuspetta minn kull moviment tagħha. Kien jivvitimizza kontinwament u jistenna’ li tobdi l-ordnijiet li kien jgħati mingħajr mistoqsijiet għaliex fi kliemu huwa kien il-“boss”! Attard kien jheddida u jintimida, b’mod speċjali bit-ton li bih kien ikellimha.
Regolarment kien ibiddel l-aċċess għall-email tax-xogħol tagħha u sikwit kien iċempel lill-klijenti minn wara darha. It-Tribunal sema’ ukoll kif id-Direttur kien imur għal laqgħat li kien isir jaf bihom wara li kien jissemma’ l-konverzazzjonijiet li kien ikollha.
It-Tribunal qal li l-kumpanija ma rnexxiliex tiprovdi provi biżżejjed li jissostanzjaw it-tkeċċija ta’ Brincat, wara li din ma ngħatat l-ebda twissija qabel ma tkeċċiet.
Brincat sostniet li Attard ma ffirmax il-kuntratt t’impjieg tagħha u kien biss ħames xhur wara li bdiet taħdem mal-kumpanija li ġagħlha tiffirma kuntratt b’ klawżoli differenti, inkluża klawżola li tagħtih dritt jaċċessa l-email tagħhha.
It-Tribunal ma sab l-ebda evidenza ta’ ksur tal-kuntratt u għaldaqstant qal li t-terminazzjoni kienet inġusta u abbużiva. Huwa ordna lill-Attard ħallas €2,250 f’salarju arretrat u l-kommissjoni ta’ €7,700 dovuta lilha.