Li l-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista hi waħda mbgħabsa – rigged – qed jgħiduha iktar nies.
Simon Mercieca, li fl-2013 kien ma’ dawk li kitbu r-rapport tat-telfa tal-Partit Nazzjonalista qal dan fl-artiklu tiegħu fuq The Malta Independent.
L-artiklu tiegħu semmieh “A rigged electoral process.”
Fl-artiklu tiegħu Simon Mercieca jinnota kif il-klikka ta’ Simon Busuttil qed tibża’ li titlef il-poter kollu tagħha u kien għalhekk li ssejħet il-laqgħa ta’ Tnejn filgħaxija tal-Kunsill Amministrattiv.
Jinnota l-attakki fuq Frank Portelli u Adrian Delia u jistaqsi għaliex ma kienx hemm bħalhom fuq Alex Perici Calascione li kien parti mill-amministrazzjoni qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali. Fejn fost oħrajn isemmi kif żgur kien jaf bl-arranġament tad-DB.
Imbagħad isemmi l-każ ta’ Roderick Caruana, il-membru tal-kumitat sezzjonali ta’ Raħal Ġdid li kellu jagħmel appell fuq facebook wara li ċaħduh mid-dritt tiegħu għal vot.
Mercieca kiteb kif il-mod kif kien stmat Caruana juri li l-Kummissjoni Elettorali għandha interess li tappoġġja żewġ kandidati.
Mercieca, magħruf li jkun jaf sew x’inhu għaddej fl-istamperija, żied jistaqsi jekk Roderick Caruana hux l-uniku wieħed. U wieġeb il-mistoqsija billi qal: “Le, mhuwiex.”
B’hekk ikkonferma dak żvelat fil-KullĦadd tal-Ħadd meta kiteb kif hemm numru ta’ individwi li għandhom id-dritt jivvotaw imma qed ikunu mċaħħda minnu.
Fost dawn, jikteb Mercieca, hemm membri ta’ kumitati sezzjonali. Meta mbagħad hemm nies minn barra l-kumitat sezzjonali bid-dritt li jivvotaw.
“Minflok tinvestiga l-Kummissjoni qed taċċetta prattiċi irregolari,” kiteb Mercieca li żied li minflok twettaq ġustizzja l-Kummissjoni hi sinonima man-negattività.
Staqsa jekk dan hux se jinvestigah ukoll l-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.
“L-eżekuttiv tal-PN se jiltaqa’ biex jinvestiga l-bias taċ-chairman lejn żewġ kandidati f’dan il-proċess elettorali u tbagħbis bil-voti – vot rigging – li sar?” kiteb Mercieca.