Charles Pace, ta’ 55 sena mill-Imsida, ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet.
Dan wara li l-Ħadd filgħodu tressaq il-Qorti t’Għawdex b’akkużi ta’ pussess u traffikar ta’ droga kokaina.
L-akkużat kien arrestat fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt wara li fil-pussess tiegħu kellu mal-45 pakkett ta’ droga kokaina, kif ukoll miżien elettroniku u affarijiet oħra li jindikaw li d-droga kienet se tiġi ttraffikata.
Uffiċjali tal-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga kienu ilhom diversi jiem isegwu lir-raġel qrib ir-residenza tiegħu fiż-Żebbuġ Għawdex, sakemm fil-lejl li arrestawh, inqabad jipprova jarmi d-droga hekk kif induna bil-preżenza tal-Pulizija.
Pace ċaħad l-akkużi kollha miġjuba kontrieh, u ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu t’elf u ħames mitt ewro u garanzija personali t’għaxart’elef ewro.
Huwa jrid jiffirma wkoll fl-Għassa tal-Pulizija darbtejn kuljum.