Kienet ġlieda diffiċli iżda waħda pjaċevoli għal min kellu x-xorti jaraha, dik ta’ bejn Floyd Mayweather u Conor McGregor. Mistennija minn bosta fanatiċi tal-boxing, saħansitra anke bosta Maltin, il-ġlieda ntrebħet minn Floyd Mayweather hekk kif din immarkat il-50 ġlieda tiegħu mingħajr telfa.
Hu rebaħ lil Conor McGregor fl-għaxar rawnd fi ġlieda li se titniżżel bħala ġlieda li l-iktar li daħħlet flus fl-istorja tal-boxing. Għalkemm Mayweather hu magħruf bħala boxer professjonali f’din is-sezzjoni tal-boxing, McGregor kien avversarju diffiċli u li żamm lil Mayweather sew għall-ewwel ftit rawnds.
Mayweather, li ddeċieda li jieħu sehem f’din il-ġlieda u ħareġ mill-irtirar biċ-ċans li jirbaħ is-somma ta’ $300 miljun, uża tattika sempliċi biex jirbaħ lil McGregor. Hu sostna li pprova kemm felaħ iżomm lil McGregor, fejn ħalla lill-avversarju jaħli kemm jista’ enerġija sabiex fl-aħħar rawnds ikun għajjien u b’hekk hu jkun jista’ jirrenja u jiżvoga l-enerġija fl-aqwa u l-aħħar mumenti tant bżonnjużi.
Ir-rebbieħ spjega li għalkemm forsi bosta ħasbu li din kienet ġlieda faċli għalih minħabba r-rekord li għandu, faħħar lill-avversarju tiegħu għad-determinazzjoni tiegħu u għal ġlieda mill-aqwa li ma stenniex.
F’intervista wara l-ġlieda, Mayweather sostna li għalkemm forsi bosta ħadu gost li reġa’ rritorna lura fix-xena tal-boxing, din kienet l-aħħar ġlieda tiegħu.