Il-Ministeru għall-Edukazzjoni ħabbar li se jkun qed jibda jaċċetta applikazzjonijiet onlajn għal min irid japplika għall-istipendju għas-sena skolastika 2017/2018.
Bħala parti mill-inizjattiva tal-Ministeru biex il-proċess jiġi ssimplifikat aktar, l-istudenti kollha, anke dawk li se huma f’livell Post-Sekondarju, MCAST, livell terzjarju u dawk li qed jistudjaw f’istituzzjonijiet privati, jistgħu japplikaw permezz tal-istess applikazzjoni.
L-istudenti li se jkunu qed japplikaw għandhom ċans sal-aħħar ta’ Novembru biex jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom. Importanti li wieħed jara li jkollu d-dokumenti kollha neċessarji.
Fl-aħħar sena akkademika, aktar minn 19,000 student issottomettew l-applikazzjoni tagħhom onlajn biex jirċievu dan it-tip ta’ manteniment. Il-Gvern alloka baġit ta’ €28 miljun sabiex ikopri n-nefqa tal-istipendji u l-grants li ngħataw għas-sena 2017.
Aktar dettalji fuq https://education.gov.mt/studentsgrants/.