Illum, l-Awtorità għall-ambjent u r-riżorsi, l-ERA ħadet żewġ deċiżjonijiet importanti b’rabta mal-Power Station ta’ Delimara u dik tal-Marsa. Deċiżjonijiet li se jwasslu biex l-iżmantellar taċ-ċumnija tad-Delimara jibda f’Settembru.
Dan hekk kif il-bord approva l-permessi għall-iżmantellar ta’ partijiet tal-power station ta’ Delimara u dik tal-Marsa.
Il-permess b’rabta mal-impjant f’Delimara jinkludi l-iżmantellar taċ-ċumnija u l-istrutturi marbuta mal-ħidma f’Phase 1 f’Delimara flimkien mat-turbini tal-gass f’Delimara 2a u 2b, Delimara 3 u t-terminal ta’ Delimara 4 operat minn Electrogas.
Il-permess dwar il-power station tal-Marsa jitratta l-iżmantellar tal-maġġoranza tal-istrutturi li għad baqa’ fis-sit.
Dan flimkien mal-kontinwazzjoni fl-operat tat-turbina tal-gass ‘open cycle’ u ż-żamma tat-tank tal-ħażna tal-‘gas oil’ f’każ ta’ bżonn ta’ emerġenza.
Il-permessi tal-IPPC jigarantixxu li jilħqu numru ta’ obbligazzjonijiet ta’ moniteraġġ li l-operaturi jridu jilħqu tul l-erba’ snin li fihom huma validi l-permessi.
Dan flimkien ma’ kundizzjonijiet speċifiċi marbuta mal-iżmantellar biex ikun assigurat il-livell meħtieġ għall-protezzjoni tal-ambjent.
Intant b’reazzjoni għad-deċiżjoni meħuda llum mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, u li se twassal biex ix-xahar id-dieħel tibda tiżżarma l-power station il-qadima ta’ Delimara, il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġjar tal-Ilma Joe Mizzi qal li din hija turija ċara li dan il-Gvern irid politika bbażata fuq enerġija nadifa.
“Irridu nagħtu nifs ġdid lir-residenti tan-naħa t’isfel ta’ Malta, speċjalment lil dawk ta’ Marsaxlokk u l-inħawi li jmissu miegħu, li għal ħafna snin batew mhux biss minħabba din il-ġerħa ambjentali iżda anke minn mard respiratorju u trabijiet fl-arja,” qal il-Ministru Joe Mizzi. “Inħarsu ’l quddiem lejn kwalità ta’ ħajja aħjar għar-residenti tagħna. B’hekk biss nistgħu nkomplu ninvestu f’enerġija aktar nadifa.”
Il-Ministru spjega li dan se jkun proċess delikat li jrid isir b’reqqa peress li jridu jiġu osservati għadd ta’ kundizzjonijiet ambjentali. Huwa rringrazzja lill-ħaddiema kollha li ħadmu kemm fil-power station ta’ Delimara meta din kienet taħdem fil-passat u anke lil dawk kollha li se jkunu involuti f’dan il-proċess biex tinħatt.