L-Erbgħa filgħaxija, lejlet id-dibattitu bejn l-erba’ kontestanti għall-kariga ta’ Kap Nazzjonalista, il-blogger Nazzjonalista Daphne Caruana Galizia kompliet bl-attakki tagħha fil-konfront tal-kontestant għall-kariga ta’ Kap Nazzjonalista Adrian Delia .
Caruana Galizia ppublikat storja fuq l-blog tagħha u allegat li Delia għandu kont bankarju f’Jersey. Dan minkejja li Adrian Delia kien ilu jiddikjara li m’għandu l-ebda flejjes u kontijiet bankarji barra l-pajjiz .
L-istorja ġiet ippublikata minn Caruana Galizia fl-għaxra neqsien għaxra tal-Erbgħa filgħaxija, biċ-ċaħda ta’ Delia tasal
Fi stqarrija mhux biss ċaħad li għandu kont bankarju mal-bank Barclays f’Jersey imma ddikjara li se jiftaħ kawza ta’ libell lil Caruana Galizia.
Aktar minhekk, il-Ħamis filgħodu Adrian Delia indirizza konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-bini tal-Qorti.
Iżda fl-istess ħin li Delia kien qed jiddefendi ruħu, Daphne Caruana Galizia allegat li mal-miljun sterlina ġejjin minn prostituzzjoni f’Londra daħlu fil-kont bankarju li qed jiġi allegat li għandu Delia f’Barclays.
Caruana Galizia ppubblikat ittra bejn Adrian Delia u kumpanija ta’ avukati f’Londra.
F’dawn l-aħħar ġimgħat Delia spiċċa fil-mira ta’ attakki minn Caruana Galizia. Izda din l-aħħar storja, proprju ftit jiem qabel li l-kunsilliera jivvotaw għal min iridu Kap tal-Partit Nazzjonalista ġabet rabja fil-konfront ta’ Adrian Delia. Delia li kien ċar u qal li wara l-kitba ta’ Caruana Galizia hemm xi ħadd fil-Partit Nazzjonalista li ma jridux Kap.
B’ton ta’ rabja u arroganza, iżda li jikkonferma wkoll t-taħwid li hemm fil-Partit Nazzjonalista bħalissa, Adrian Delia ammetta li Caruana Galizia mexxiet l-aġenda tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali, li wasslet lill-Partit Nazzjonalista għal telfa storika.
Aktar minhekk, ikkonferma t-tattika li ntuzat fl-elezzjoni ġenerali mill-Partit Nazzjonalista. Tattika li l-Kap Caretaker Simon Busuttil kien kburi biha u minkejja t-telfa elettorali Busuttil kien sodisfatt bil-kampanja ta’ gideb li għamel il-partit Nazzjonalista.
Ftit jiem qabel il-kampanja elettorali u tul il-kampanja, il-Partit Nazzjonalista bbaża l-istejjer tiegħu fuq kalunja li ħarġet Daphne Caruana Galizia fil-konfront tal-Prim Ministru u l-familja tiegħu .
Anki jekk deher irrabjat, bil-mod ta’ kif Caruana Galizia kellha l-kontroll tal-Partit Nazzjonalista f’idejha fil-kampanja elettorali, Adrian Delia ma kkundanax u ħarab milli jwieġeb dwar il-gidba li għamlet fil-konfront tal-Prim Ministru u l-familja tiegħu.
Jakkumpanja lil Adrian Delia għal konferenza tal-aħbarijiet kien hemm d-deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone. Xejn ħlief konferma oħra ta’ dak li zvela One News fl-aħħar jiem, li Schiavone qed imexxi l-istrateġija tal-kampanja ta’ Adrian Delia.