Is-sena li għaddiet, l-Investiment Dirett Barrani f’Malta kompla jiżdied u laħaq ftit aktar minn 161.4 elf miljun ewro. L-Ufficcju Nazzjonali tal-Istatistika qal li kien hemm żieda ta’ aktar minn disgħa punt ħamsa biljun ewro fuq is-sena ta’ qabel.
L-NSO qal li kważi 98% tal-investiment barrani f’Malta kien dovut għas-settur tas-servizzi finanzjarji li jinkludi l-qasam tal-assigurazzjoni.
Fi stqarrija l-Ministeru għall-Ekonomija qal li dan jikkonferma li pajjiżna għadu għaddej b’politika ekonomika soda li qed tħalli ġid li jilħaq lil kulħadd. Din hi konferma wkoll kemm kienet kampanja qarrieqa li jeżistu l-problemi f’dawn is-setturi. Dan kien ikkonfermat fl-aħħar jiem permezz tal-upgrade tal-ekonomija Maltija minn Fitch Ratings: minn ‘A’ għal ‘A+’.
Il-Gvern qal li hu kommess li jkompli jaħdem fuq fatturi ewlenin li jaffettwaw dan l-investiment flimkien mat-tisħiħ fl-infrastruttura fiżika u teknoloġika u t-tnaqqis fil-burokrazija, politika makroekonomiċi konsistenti, governanza tajba, stabbiltà ekonomika u garanzija ta’ drittijiet ta’ proprjetà, li lkoll huma fost il-kundizzjonijiet meħtieġa biex ikompli jiġi attirat l-investiment.