Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġjar tal-Ilma Joe Mizzi fi stqarrija qal li wara li ġiet ippubblikata s-sistema ta’ feed-in tariffs għal sistemi ta’ pannelli fotovoltajċi, huwa stmat li 11MWp ta’ kapaċità ttieħdu f’ġimgħa, ammont sinifikanti li juri li l-isforz tal-Gvern biex jiżgura li Malta hija on track biex tilħaq il-miri tagħha dwar enerġija rinovabbli sal-2020 qed iħallu l-frott.
Huwa qal dan meta żar l-uffiċini tal-ARMS u tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma f’Ħal Luqa biex jiltaqa’ mal-ħaddiema kif ukoll biex jinawgura l-uffiċini li llum jospitaw l-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma.
Il-Ministru żar fost oħrajn il-ħaddiema tal-control room tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, li hija l-qalba tal-operat, toperab’mod kontinwu fuq bażi ta’ 24×7 u sservi bħala punt ta’ referenza għal dak kollu relatat mal-infrastruttura tad-distribuzzjoni tal-ilma u d-drenaġġ.
Iltaqa’ wkoll mal-ħaddiema tal-Customer Care. Dawn iż-żewġ sezzjonijiet jinfurmaw lil xulxin immedjatament jekk ikun hemm xi problema fin-network, u b’hekk il-Korporazzjoni tkun aktar effiċjenti fil-qadi tal-operat tagħha partikolarment fejn jidħol il-konsumatur.
Il-Ministru Joe Mizzi żar ukoll il-laboratorju tal-Korporazzjoni, laboratorju akkreditat li jservi bħala r-regolatur intern biex ikun assigurat li l-kwalità tal-ilma tilħaq il-parametri tar-regolamenti u Direttivi Ewropej. Fil-fatt, is-sena li għaddiet, il-laboratorju ra espansjoni sostanzjali fil-kapaċità tiegħu ta’ mhux inqas minn 2.3 miljun ewro, investiment li wassal biex illum huwa minn tal-ewwel f’Malta li huwa daqshekk attrezzat.
Il-Ministru żar ukoll il-binja rinovata tal-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma, fejn ħabbar li bħalissa qiegħda fil-proċess li tikteb il-pjan ta’ Malta dwar l-Enerġija u l-Klima 2012-2030. Huwa qal li dan jinsab fil-parametri tal-miri Ewropej u juri li l-Gvern qed jara lil hinn mis-sena 2020 u qed iżomm mal-politika tiegħu dwar l-Enerġija. Tenna li l-pjan, li jinkludi sforz inter-ministerjali u djalogu kontinwu mal-Kummissjoni Ewropea mistenni jkun iffinalizzat sal-2019.
Il-Ministru fakkar li l-Aġenzija kienet strumentali fil-proġett tal-communal PV farm scheme li bdiet dan l-aħħar permezz tas-solar farm komunitarju tal-Fiddien, ir-Rabat u strumentali wkoll fil-proġett tal-pipepline tal-gass bejn Malta u Sqallija.
Fi tmiem il-laqgħa tiegħu mal-ħaddiema, il-Ministru Joe Mizzi qal li se jibqa’ għaddej b’dawn il-laqgħat fil-ġranet li ġejjin. Huwa kien akkumpanjat miċ-Chairman tal-Enemalta l-Inġ Frederick Azzopardi, miċ-Chairman tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma Mario Zammit u mill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma Daniel Azzopardi, fost uffiċjali oħra.