Wieħed mill-allegati terroristi li pjanaw l-attakk f’Barcelona ametta li kien pjanat attakk ikbar, skont sorsi ġudizjarji.
Mohamed Houli Chemlal kien qed jixhed fil-Qorti Suprema f’ Madrid, fejn dehru l-erba’ suspettati.
Huwa kien ferut fi splużjoni f’ Alcanar nhar l-Erbgħa.
L-attakkanti qatlu 15-il persuna u ferew iktar minn 100 f’serje ta’ attakki f’Barċellona u fil-madwar, l-għada u fis-segħat bikrin tal-Ġimgħa. Tminn membri tal-grupp mietu – tnejn fl-isplużjoni f’Alcanar u sitta b’tiri sparati mill-Pulizija. L-aħħar suspettat ġie maqtul f’ vinja fil-punent ta’ Barċellona nhar it-Tnejn.
Is-suspettati li kien fadal ħajjin ġew rilokati, taħt sigurta kbira minn Barċellona għall-Madrid għas-seduta tal-Qorti.
Mohamed Houli Chemlal kien l-ewwel li xhed. Huwa qed jingħata l-kura għall-feriti li ġarrab.
Sorsi qalu li kkonfessa kemm lill-pulizija kif ukoll fil-Qorti li kien hemm pjanat attakk ikbar. Dan jikkonferma s-suspetti tal-Pulizija. Fid-dar distrutta f’ Alcanar instabu 120 ċilindru tal-gass.
Sorsi qalu li fil-Qorti Houli Chemlal qal li l-Katidral ikona tas-Sagrada Familia kien wieħed minn diversi postijiet fil-mira tagħhom.
Is-suspettati l-oħra huma:
- Driss Oukabir ta’ 28 sena li wieġeb mhux ħati. Il-passaport tiegħu nstab viċin il-van li saq fuq in-nies f’ Las Ramblas. Huwa qed isostni li huh Moussa li miet fl-attakk f’ Cambrils kien seraqlu d-dokumenti.
- Mohammed Aalla ta’ 27 sena huwa l-allegat propretarju tal-van Audi li ntuża fl-attakk li sar tminn siegħat wara dak ta’ Barċellona f’Cambrils mal-kosta.
- Sahal al-Karib, ta’ 34 sena, huwa akkużat li jopera internet cafe f’ Ripoll minn fejn intbgħatu flus fil-Marokk.