Kemal Burzak Ozevci ta’ 22 sena mit-Turkija ġie kkundannat sitt xhur ħabs sospizi għal sentejn u mmultat erbat elef ewro wara li nstab ħati li kmieni dalgħodu attakka pulizija meta kien fis-sakra f’San Ġiljan. Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Nikolai Sant qal li ż-żagħżugħ li huwa student tal-Ingliż ġie arrestat għall-ħabta tas-siegħa fi Triq San Ġorġ f’Paceville wara li waqaf għall-uffiċjali tal-pulizija.
Dan wara li nnotawh iġorr u jixrob l-alkoħol f’żona pprojbita. Quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke, iż-żagħżugħ wieġeb ħati li rreżista bi vjolenza lill-pulizija, li insultahom u heddidhom u li kien fis-sakra f’post pubbliku.
Il-Qorti laqgħet it-talba biex iż-żagħżugġ iħallas il-multa fi żmien sena iżda wissietu li jekk ma jħallashiex, jinġieb lura Malta biex jiskonta s-sentenza ta’ sitt xhur ħabs.