Equality Labour uriet it-tħassib tagħha, permezz ta’ stqarrija, fir-rigward tal-wegħda pubblika li għamel il-kandidat għal Kap tal-PN, Dr Chris Said. Dr Said sostna li ġaladarba jkun elett Kap tal-PN, huwa jbiddel il-liġi biex ineħħi l-kunċett ta’ ugwaljanza sħiħa li fiha.
Equality Labour innotat kif Dr Said qiegħed jikkontradixxi lilu innifsu meta fil-Parlament hu ma qamx bil-wieqfa meta mistoqsi u vvota kontra l-liġi li issa jrid ibiddel. Dan juri nuqqas ta’ prinċipji u politika ta’ konvenjena.
Equality Labour sostniet kif il-bidla fil-kliem fil-liġi saret sabiex kull ġenitur, irrispettivament mill-ġeneru jew l-orjentazzjoni tiegħu/tagħha ikun meqjus bħala ġenitur l-ewwel u qabel kollox u ma ssir l-ebda diskriminazzjoni bejn peruni LGBTIQ u dawk eterosesswali.
L-istqarrija tgħid li jekk il-Partit Nazzjonalista jiddeċiedi li jerġa’ jreġġa lura dak li sar minn Gvern Laburista, jkun qiegħed jikkonferma kif l-uniku protezzoni għad-drittijiet ċivili f’pajjiżna huwa l-Partit Laburista mmexxi minn Joseph Muscat.