- L-ELCOM TOĦROĠ TGIDDEB LIL FRANK PORTELLI
L-ELCOM, l-uffiċċju elettorali tal-Partit Nazzjonalista, ħareġ igiddeb lil Frank Portelli. Biex hekk, fil-kampanja għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista bqajna naraw episodji li qatt jew rari rajna bħalhom f’elezzjonijiet imgħoddija għat-tmexxija ta’ partit. Bil-partit jispiċċa jwieġeb jew igiddeb il-kandidati tiegħu.
Fuq wieħed mill-videoblogs tiegħu, Frank Portelli qal li l-ELCOM kellhom tagħrif ħazin. “L-ELCOM, uffiċċju tal-Partit Nazzjonalista li jieħu ħsieb l-elezzjonijiet. Jien nista’ ngħid li tawni data bl-ismijiet u kunjomijiet tal-kunsilliera, tesserati, eċċ li suppost kienet up to date. Jien bgħatt l-emails u l-SMSs, sibt min-naħa tagħna li almenu 10% huma ħżiena, mhumiex korretti, jew l-email ħażin jew il-mobile ħażin. Kif tista’ tikkomunika man-nies jekk m’għandekx id-data korretta,” qal Portelli li tenna li jrid ikun ċert li l-partit għandu tagħrif korrett. Iżda, lil Portelli spiċċa jmerih il-partit stess fuq is-sit elettroniku tal-aħbarijiet tal-istazzjon.
Fuq NET kitbu: “Dwar l-allegazzjonijiet ta’ Frank Portelli, l-Uffiċċju ELCOM xtaq jiċċara li l-allegazzjonijiet mhumiex korretti. Tant li l-Uffiċċju ELCOM mhu involut bl-ebda mod fil-proċess tal-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, u għalhekk ma provda ebda informazzjoni dwar membri tal-Kunsill Ġenerali u tal-Konvenzjoni Ġenerali lil ebda kandidat.”