L-isfida ta’ drogi sintetiċi li qed jidħlu fis-suq hija biċċa wġigħ ta’ ras għall-korp tal-pulizija li qed jaħdem bil-għan li jkun hemm leġiżlazzjoni li tagħmel illegali dawn is-sustanzi ġodda li qed jinbtu minn żmien għal żmien. “Sfortunatament fuq livell Ewropew il-problema tad-droga sintetika dejjem qed issir aktar komuni,” qal l-Assistent Kummissarju Denis Theuma li huwa responsabbli mill-Iskwadra ta’ kontra d-Droga.
Fil-preżent f’pajjiżna għandna madwar 11-il tip ta’ sustanza sintetika li hija illegali, madankollu, għad hemm mijiet oħra li għadhom legali u dan minħabba li ta’ spiss jinbtu sustanzi ġodda.
L-Assistent Kummissarju Theuma sostna li bħalissa hemm maħsuba pjanijiet sabiex jinbena qafas legali iktar b’saħħtu għaliex bis-sitwazzjoni kif inhi llum diffiċli tlaħħaq ma’ dawn it-tip ta’ sustanzi li jinbtu minn żmien għal żmien, f’leġiżlazzjoni waħda.
Huwa qal li dawn it-tip ta’ sustanzi huma iżjed perikolużi mill-kannabis għaliex is-sustanza fiha nnifisha hija ferm iżjed qawwija u dan għaliex hija magħmula mill-bniedem.
L-Assistent Kummissarju Theuma qal dan meta ltqajna miegħu l-għada li l-Pulizija ta’ Malta reġgħet għamlet qabda kbira tad-droga qabel daħlet pajjiżna. Fil-fatt spjega dwar il-ħidma tal-iskwadra li jmexxi, fid-dawl li f’dawn l-aħħar xhur u snin smajna b’qabdiet kbar ta’ droga fosthom dik ta’ nhar il-Ħamis fejn inqabdu madwar 18-il kilo ta’ droga u kif ukoll id-diversi suċċessi li l-Pulizija Maltija għamlet bħal qabdiet ta’ numru sostanzjali ta’ droga li kienet indirizzata lejn pajjiżna.
Operazzjoni bħal dik tal-Ħamis mhix waħda li taqbad u ssir kif ġieb u laħaq. Dan hekk kif il-pulizija tkun ilha tinvestiga u ssegwi persuni li jkollhom konnessjonijiet ma’ xulxin u kif ukoll tibni l-profili tas-suspettati. Madankollu, operazzjoni bħal din ġieli twassal biex jinqabdu iżjed nies involuti fit-traffikar minn dawk li jkunu fil-mira inizjalment. Eżempju ċar huwa l-każ ta’ ftit tax-xhur ilu fejn żewġ Belġjani nqabdu jdaħħlu 10 kilos kokaina f’pajjiżna fejn eventwalment imbagħad ġew arrestati żewġ Maltin oħra wara l-investigazzjonijiet.
Il-Pulizija ġieli tkun megħjuna minn entitajiet oħra f’ċerti qabdiet tad-droga bħal pereżempju d-dwana jew inkella sezzjonijiet oħra fi ħdan il-korp bħad-distretti fejn dan l-aħħar żdiedu wkoll il-patrols u spezzjonijiet f’diversi żoni partikolari ta’ pajjiżna bħal ġonna pubbliċi.
Operazzjoni oħra ta’ suċċess kienet dik ta’ ftit tal-ġimgħat ilu fejn l-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga megħjuna mir-Rapid Intervention Unit, it-Taqsima tal-Klieb, il-Pulizija tad-Distrett u tal-Forensika għamlu rejd fin-New Tiger Bar fil-Marsa wara ġimgħat ta’ investigazzjoni. Dakinhar instabu ammonti ta’ droga ta’ raża tal-kannabis sabiex tiġi mmexxija lokalment flimkien ma’ droga sintetika.
Ġeneralment id-droga kollha li tidħol f’pajjiżna anke jekk f’ammonti kbar tkun sabiex tiġi kkunsmata lokalment. Dan minħabba li Malta mhux komuni li sservi bħala post ta’ tranżizzjoni peress li hija mdawra kollha kemm hi bil-baħar u ma twassal għall-ebda art oħra kuntrarju għal pajjiżi oħra Ewropej li taqsam bejniethom permezz ta’ karozza minħabba li jmissu ma’ xulxin. Għalkemm eċċezzjonijiet jeżistu, bħal meta iktar kmieni din is-sena fil-Port Ħieles inqabad kontejner mimli droga li d-destinazzjoni tiegħu kienet Spanja.
Il-ħidma tal-iskwadra hija relattivament maqsuma f’żewġ partijiet; dik li tinqabad il-ħuta l-kbira jiġifieri t-traffikant li qed idaħħal id-droga f’pajjiżna, fejn l-ammonti jkunu kbar u l-operazzjonijiet isiru fuq skala ikbar, u dik li jinqabad min qed imexxi d-droga jiġifieri l-intermedjarju bejn it-traffikant u l-vittma fejn l-ammonti jkunu iżgħar u l-ħidma wkoll tkun kemxejn differenti. Ġeneralment dan il-qbid issir waqt parties jew postijiet ta’ divertiment.
Iżda, minn fejn tiġi d-droga? “Is-sustanza kokaina ġeneralment tiġi minn pajjiżi fl-Amerka ta’ Isfel bħal pereżempju l-Kolombja u l-Costa Rica. Ir-raża tal-kannabis imbagħad tiġi prodotta fil-Marokk mentri l-Afganistan u l-madwar huma magħrufa għall-produzzjoni tal-eroina,” spjega l-Assistent Kummissarju Theuma. Madankollu id-droga sintetika mbagħad l-iżjed li tinħadem hija f’partijiet differenti tal-Ewropa.
Ġeneralment Spanja u l-Portugall iservu lit-traffikanti sabiex idaħħlu l-kokaina fl-Ewropa. Dan minħabba li dawn iż-żewġ pajjiżi huma l-eqreb pajjiżi Ewropej tal-Amerka t’Isfel bil-baħar Atlantiku jifridhom, fejn mhux l-ewwel darba li l-awtoritajiet Spanjoni interċettaw laneċ b’20 tunnellata ta’ droga bil-ħsieb aħħari jkun li din tinfirex fl-Ewropa permezz ta’ strutturi illegali mmexxija minn gruppi organizzati.
Huma remoti l-każi fejn ġieli nqabdu traffikanti ta’ drogi li baqgħu ġejjin f’pajjiżna b’konsenja ta’ droga mill-post tal-oriġini. It-Turkija mbagħad isservi bħala bieb għall-Afganistan sabiex tiddaħħal l-eroina fl-Ewropa.
Kulma jmur dejjem qed isiru komuni websites u profili fuq siti soċjali li b’mod dirett jew indirett jippromwovu l-bejgħ ta’ sustanzi illegali, fejn minn żmien għal żmien anke nies jirrikorru għand il-pulizija b’rapporti ta’ dawn il-profili.
Malli l-pulizija tinnota dawn it-tip ta’ siti jew inkella jidħlulha rapporti, hija tibda tinvestiga bil-għajnuna tas-Cyber Crime Unit. Madankollu ġieli jirriżulta li dawn ikollhom oriġini barra mill-Ewropa bħal ngħidu aħna l-Afrika fejn sfortunatament il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet ma tkunx daqshekk b’saħħitha u l-Pulizija Maltija ma tkunx tista’ taħdem minħabba li l-oriġini tas-sit ma jkunx jaqa’ taħt il-ġursidizzjoni tagħha.
Kien hemm ukoll każijiet fejn persuni li pruvaw jixtru xi tip ta’ drogi minn fuq dawn is-siti spiċċaw ħallsu tagħhom u qatt ma rċevew xejn. Għalhekk wieħed jasal għall-konklużjoni li minn uħud minnhom mhux vera tinbiegħ id-droga iżda huma mmirati biss sabiex jiffrodaw lil dak li jkun u jeħdulu l-flus.
Li kieku l-investigazzjonjiet juru lill-oriġini ta’ dawn il-websites u l-profili huma Ewropej, ikun ferm iżjed faċli sabiex il-Pulizija Maltija tibda tasal għal xi tip ta’ konklużjoni. Dan minħabba li kulma jmur dejjem qed tiżdied il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ pajjiżi differenti fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Dan b’mod partikolari permezz tal-EUROPOL. Dan anke għaliex ikun jista’ jinħareġ mandatt ta’ tfittxija u l-għoti tal-informazzjoni bejn pajjiż u ieħor huwa iżjed faċli.
Però x’qed iwassal biex ikun hemm iktar qabdiet tad-droga? Skont l-Assistent Kummissarju Denis Theuma, li ilu jaħdem f’din l-iskwadra għall-aħħar 17-il sena, “il-konċentrazzjoni u li tagħmel il-homework b’għaqal sabiex tipprova tidentifika l-ħuta l-kbira, flimkien ma’ elementi ta’ fortuna” qed iwasslu sabiex il-Pulizija Maltija tagħmel suċċessi f’dan il-qasam.
Qabda ta’ droga ma’ tkunx xogħol ta’ ġurnata waħda iżda frott ġimgħat u xhur ta’ investigazzjonijiet u ġbir ta’ informazzjoni biex eventwalment tinbena l-aħjar stampa sabiex fil-ġurnata tal-operazzjoni jkun hemm eżitu pożittiv.
“Li tieħu l-affarijiet bis-serjetà, tagħmel xogħlok sew u ma tħalli l-ebda toqba flimkien mal-perseveranza se jħallu dan l-eżitu pożittiv,” iddikjara l-Assistent Kummissarju Theuma li ddeskriva d-droga bħala dak l-element li qed iwassal għall-qerda tal-persuni u t-tkissir tal-familji.