Surġent tal-Pulizija jinsab sospiż wara li nstablu r-ritratt ta’ rapport tal-pulizija li ngħata lil Daphne Caruana Galizia biex jiġi attakkat Adrian Delia.
Is-Surġent li llikja minn ġewwa l-Korp rapport kontra Delia mhuwa ħadd ħlief PC 134 Roderick Sammut, wieħed mill-uffiċjali tas-Servizz tas-Sigurtà
li kien assenjat mal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi.
Sammut, li bħalissa jinsab sospiż mill-Korp għax qed tissokta l-investigazzjoni, qed jiċħad l-akkuża fil-konfront tiegħu. Però tagħrif li għandha din il-gazzetta jgħid li allegatament Sammut daħal numru ta’ drabi jara rapport li kien hemm fuq Delia permezz ta’ sistema magħrufa bħala l-Police Incident Reporting System (PIRS). Sistema li biex ikollok aċċess għaliha trid tkun membru tal-Korp. Sammut ħa ritratt tar-rapport u dan intbagħat lil Caruana
Galizia li min-naħa tagħha użatu f ’wieħed minn sensiela ta’ artikli li qed tikteb kontra Delia li qed jikkontesta għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Din id-darba s-suġġett tal-kitba kien rapport li kien sar fil-konfront ta’ Delia b’rabta ma’ allegat każ ta’ bejgħ ta’ droga. Il-KullĦadd żvelat wkoll li r-ritratti tar-rapport kif dehru fuq il-blog instabu fil-mobile tas-surġent.
Referenza għall-investigazzjoni li għaddejja għamlitha wkoll Daphne Caruana Galizia fuq il-blog tagħha fejn saħansitra qalet li lesta taħlef li mhuwiex hu s-sors tagħha, anke jekk il-provi kollha jindikaw mod ieħor. Bħalma ġara kontra l-Partit Laburista fl-aħħar snin, Daphne Caruana Galizia qed tintuża mill-establishment tal-PN biex permezz ta’ leakages selettivi jattakkaw kontestanti li se jkunu suċċessuri ta’ Simon Busuttil.
L-użu ta’ dan ir-rapport qajjem rabja kbira fost partitarji ta’ Delia li qed jgħidu li l-klikka li waslet biex il-partit tilef elezzjoni wara oħra ma tridux
u qed tagħmel ħsara b’tattiċi li ddeskrivew bħala moqżieża u fissru kif il-kandidati favoriti tal-establishment ukoll għandhom ħafna minn xiex
jibżgħu u dwar xiex iwieġbu. Differenti tkellmu dawk li jappoġġjaw lil Chris Said u lil Alex Perici Calascione li fil-każini qalu li
ma jistax ikun li l-partit jaħtar kap b’dawn id-dubji kollha mdawrin bihom.
Dan għax fir-rapport tal-pulizija, li kien mgħoddi lil Galizia, intqal li kien sar rapport anonimu kontra Delia. Ir-rapport kien jgħid li fi Sqaq iż-Żwiemel
limiti tal-Ħandaq kien hemm persuna tbigħ id-droga u kienet qed tuża karozza Mercedes ta’ kulur griż bin-number plate DEL320. Jirriżulta li meta l-pulizija marru fuq il-post il-karozza nstabet iżda kienet magħluqa u s-sid, Adrian Delia, ma kienx hemm. Meta wasal lura u l-pulizija staqsewh jekk din kinetx il-vettura tiegħu hu wieġeb fl-affermattiv. Però meta fittxew, wara li Delia wasal minn fejn kien, il-pulizija ma sabitlu xejn. Dwar dan ir-rapport ikkummenta wkoll l-avukat Franco Debono li għamel numru ta’ mistoqsijiet.
“Issa ovvjament rapport anonimu huwa rapport anonimu. Però ladarba Delia qed jikkontesta għall-kap ta’ partit u ladarba fiċ-ċirkostanzi li rriżulta li Delia verament kien fuq l-post u kien qed isuq dik il-vettura tajjeb jagħti spjegazzjoni ċara tal-akkadut. Inoltre nistaqsi – jekk dak allegat fil-konfront ta’ Delia ma kienx veru, Delia għamel kwerela għal rapport falz u talab il-pulizija tinvestiga biex jiġi stabbilit min għamel dik l-allegazzjoni tant serja u jittieħdu l-passi?”
Delia qed ikun skrutinizzat ukoll minħabba deals li għamel b’rabta man-negozju li għandu.