B’referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kamra tal-Kummerċ, il-Ministru Edward Zammit Lewis irrimarka li l-introduzzjoni tal-kontribuzzjoni ambjentali ġiet imħabbra fil-Baġit tal-Gvern f’Ottubru tas-sena l-oħra u minn dak iż-żmien ’il quddiem il-Ministeru għat-Turiżmu ħadem qatigħ ħalli, fl-implimentazzjoni ta’ din il-kontribuzzjoni, l-interess ta’ kull settur turistiku jiġi mħares waqt li jiġi aċċertat li din titħallas mit-turist u mhux mill-operatur.
Sadanittant, kien biss tliet ġimgħat ilu li l-Kamra tal-Kummerċ talbet laqgħa fuq is-suġġett, liema talba ġiet aċċettata mill-ewwel.
Din il-kontribuzzjoni, li tammonta għal 50c kuljum sa massimu ta’ €5, hija l-inqas waħda fl-Ewropa u żgur li mhux se tkun tassattiva fuq settur li qed jikseb suċċess wara l-ieħor u miexi biex pajjiżna jibda jospita madwar żewġ miljun turisti fis-sena. Din il-kontribuzzjoni diġà ġiet introdotta f’aktar minn nofs il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, fosthom l-Awstrija, il-Ġermanja, l-Italja u Franza.
Il-kontribuzzjoni trid tinġabar mingħand min qed jipprovdi l-akkomodazzjoni, għaldaqstant il-pakketti tal-ivjaġġar li għamlu referenza għalihom il-Kamra tal-Kummerċ mhux se jiġu affetwati minn din il-kontribuzzjoni. Madanakollu, biex il-Gvern jagħmel tajjeb għal diffikultajiet li jistgħu jiffaċċjaw il-kolletturi tal-kontribuzzjoni, ħa ħsieb jagħti konċessjoni għall-ewwel ħames xhur mill-introduzzjoni tagħha, jiġifieri sal-aħħar ta’ Ottubru li ġej. Minbarra hekk, il-Ministeru se jibqa’ jsegwi l-introduzzjoni ta’ din il-kontribuzzjoni mill-qrib u joffri l-assistenza lill-operaturi fis-settur kif ikun meħtieġ.
Il-Ministru Zammit Lewis jistieden lill-Kamra tal-Kummerċ biex tgħin f’din l-implimentazzjoni. Il-Gvern ħa ħsieb jisma’ lil diversi partijiet interessati u għaldaqstant kien diġà ppospona d-data tad-dħul mill-1 ta’ April għall-1 ta’ Ġunju li ġej. B’din il-miżura pajjiżna se jkun qed jiġbor mas-sitt miljun ewro liema flus se jkunu investiti fi prodott turistiku aħjar u fis-sostenibbiltà tal-qasam turistiku f’pajjiżna sabiex iħalli aktar benefiċċju ekonomiku għal kulħadd fil-futur.
Aktar qabel: Il-kamra tal-Kummerċ oġġezzjonat għall-mod li bih se tkun qed tiġi implimentata l-introduzzjoni ta’ taxxa fuq it-turisti li jaslu pajjiżna. F’konferenza tal-aħbarijiet, illum waranofsinhar il- President Anton Borg għamilha ċara li l-Kamra tal-Kummerċ mhux kontra din it-taxxa għax se tkun qed ittejjeb il-kwalità tat-turiżmu. Jixtieq iżda li jkun hemm iktar konsultazzjoni mal-assoċjazzjonijiet turistiċi involuti.