In-numru ta’ nies li daħlu l-Isptar matul il-mewġa ta’ sħana li laqtet l-Ewropa, imlaqqma Luċifru, qabeż il-medja ta’ nies li jidħlu l-isptar f’dak iż-żmien tas-sena.
Bejn it-12 u l-25 ta’ Lulju, iġifieri meta pajjiżna esperjenza l-ewwel mewġa ta’ sħana, id-dipartiment tal-inċidenti u l-emerġenza f’Mater Dei kellu 5,670 pazjent, medja ta’ 405 pazjenti kuljum.
Izda, tul it-tieni mewġa ta’ sħana, iġifieri dik ta’ bejn is-26 ta’ Lulju u t-8 ta’ Awwissu, kien hemm żieda fil-persuni li kellhom jidħlu l-isptar. Kienu 5,832 persuna li daħlu l-emerġenza, iġifieri medja ta’ 416–il pazjent kuljum.
Huwa mifhum li l-medja ta’ kemm persuni jidħlu f’dan id-dipartiment kuljum hekk kif ikkalkulata lura fl-2016 hija kemmxejn inqas hekk kif din tlaħħaq it-377 persuna.
Dan juri li kien hemm żieda notevoli tul dawn iż-żewġ perjodi,kif spjega Dr Allan Drago, Konsulent fl-Emerġenza.
Drago spjega li “esperjenzajna tul dawn l-aħħar ġimgħatejn tlieta influss qawwi ta’ pazjenti. Mhux qed ngħid li l-influss aktar mis-soltu kien direttament relatat mas-sħana, mhux il-pazjenti kollha li rajna għandhom x’jaqsmu mas-sħana. Li rajna huwa iktar każijiet b’temperaturi għoljin direttament ħabba s-sħana u spiċċaw ħafna minnhom kellhom bżonn kura intensiva, dak huwa fatt.”
Tul dan iż-żmien is-sħana wkoll ikkawżat mard li huwa relatat mal-ikel, b’25 każ ta’ salmonella tul ix-xhur ta’ Ġunju u Lulju.
Dr Drago temm b’ avviż għal dawn iż-żminijiet dan hekk kif “il-punt huwa mhux biss li joqgħodu ġewwa għax għandna ħafna postijiet li fil-verità tispiċċa b’ħafna aktar sħana ġewwa minn barra. Dan ifisser li idealmant arja kkundizzjonata jew fan u kemm jista’ jkun jieħdu aktar affarijiet friski.”