“Sa fl-aħħar se nipparkjaw f’kaxxa.” Hekk qalu bosta fanatiċi tal-futbol kif saru jafu li li is-Centenary Stadium, li riċentament ngħata wiċċ ġdid, issa għandu parkeġġ li jgħaqdi lil kulħadd.
Dan hekk kif filwaqt li qabel, min kien iżur il-grawnd biex jara xi logħba jew forsi jilgħab, iż-żona ta’ parkeġġ ma kelliex kaxex u dawk li kienu jipparkjaw ma kienx ikollhom ħjiel fejn għandhom jitfgħu l-karozza. Issa, dan il-parkeġġ, se jkun aċċessibbli għal kulħadd fejn se jkollu parkeġġ riservat għal persuni b’diżabbiltà, għal tobba li jkunu xogħol u kif ukoll membri tal-midja.
F’messaġġ li tpoġġa fuq il-paġna tal-President tal-Malta Football Association, Norman Darmanin Demajo, intqal kif issa l-plejers u t-tim tal-MFA se jkunu qed igawdu minn wiċċ ġdid tal-aqwa kwalità fil-grawnd ta’ Centenary Stadium f’Ta Qali. F’messaġġ separat kompla billi spjega kif dan il-grawnd issa saħansitra għandu parkeġġ immarkat b’kaxex li jindika fejn wieħed għandu jipparkja, fejn irringrazzja lil Transport Malta għad-dedikazzjoni u l-assistenza tagħhom f’dan il-proġett.