Raġel Ukren li rritorna f’pajjiżna taħt isem differenti wara li ma ngħatax l-ażil f’Malta kin ikkundannat xahrejn ħabs sospiżi għal sena.
L-Ispettur tal-Uffiċċju tal-Imigrazzjoni, Frankie Sammut, qal lill-Maġistrat Josette Demicoli li l-applikazzjoni għall-ażil tal-Ukren residenti l-Qawra, Maistryshyn Ihor, u li reġa’ rritorna f’pajjiżna taħt l-isem Skyba Igor kienet miċħuda fl-2016.
Fil-Qorti nstema’ kif ir-raġel ġie identifikat wara inċident tat-traffiku, għax preżenta l-liċenzja tas-sewqan li turi l-identità vera tiegħu. Huwa nstab ħati li ma talabx għall-permess tal-ażil biex jibqa’ jgħix f’pajjiżna.
L-Avukat tad-Difiża Peter Paul Zammit informa lill-Qorti li l-akkużat se jwieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. B’Maistyshyn wieġeb ħati għall-akkużi wara li l-Qorti tagħtu ħin ta’ riflessjoni. L-Ispettur Sammut insista fil-Qorti biex ir-raġel jingħata sentenza ta’ kustodja iżda t-talba tiegħu ġiet miċħuda.
Il-qorti wissietu li jekk jerġa ‘jitressaq il-qorti għal xi reat ieħor matul din is-sena, is-sentenza tal-ħabs tiegħu tidħol fis-seħħ.