L-ewwel ħaġa li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni wara li ħareġ minn awla tal-Qorti fejn każ dwar talba tiegħu qed jinstema’ fil-magħluq, kienet li tkellem mal-mezzi tax-xandir.
Simon Busuttil qed joġġezzjona li appell dwar jekk għandiex tinfetaħ inkjesta oħra fuq allegazzjonijiet li ilu jirrepeti u diġà hemm inkjesti dwarhom jinstema’ quddiem l-Imħallef Antonio Mizzi.
Dan għax l-Imħallef hu miżżewweġ lill-membru tal-Parlament Ewropew Marlene Mizzi.
L-Erbgħa filgħodu l-Imħallef Mizzi beda jikkunsidra din it-talba u talab li fl-awla jibqgħu biss Simon Busuttil, l-avukati tiegħu, kif ukoll l-avukati tal-persuni li fil-konfront tagħhom qed isiru l-allegazzjonijiet.
Biex hekk l-Imħallef sema’ l-każ fil-magħluq bl-ordni tkun li l-proċeduri jinżammu b’dan il-mod.
Iżda, Busuttil u l-avukat Jason Azzopardi tkellmu mal-midja wara li ħarġu mill-awla u taw dettalji mis-smiegħ.
L-uniku differenza mis-soltu għal Busuttil kienet dik li minflok din id-darba kkummenta fuq l-għatba tal-Qorti għamel dan fil-bini tal-Qorti.
Intant, l-attakk ta’ Simon Busuttil fuq l-Imħallef Mizzi diġà ġab l-istmerrija ta’ bosta. Fosthom tal-Kamra tal-Avukati li fl-aħħar ġimgħat appellat għall-kawtela u r-rispett fil-mod kif wieħed jitkellem fuq il-ġudikatura.
Dan l-għada tal-ewwel kummenti kontra l-Imħallef Mizzi minn Simon Busuttil.
Iżda, mhux huma biss ċanfru lill-Kap caretaker tal-Partit Nazzjonalista.
Anke l-kandidat għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, Frank Portelli, ikkundanna bl-aħrax l-aġir ta’ Simon Busuttil. Tant li wara li Busuttil ħareġ mill-Qorti, Portelli reġa’ kiteb fuq Facebook biex jieqaf l-attakk fuq l-Imħallef Mizzi.
Fil-Qorti il- Kap caretaker kien akkumpanjat minn Chris Said u Alex Perici Calascione li t-tnejn qed jikkontestaw it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Preżenti wkoll kien hemm il-whip tal-grupp Parlamentari David Agius, u l-uffiċjali tal-partit Rosette Thake u Ann Fenech li deher li kienu hemm biex jagħtuh s-sapport morali tant li fil-kurituri anke taptita fuq l-ispallejn ma naqsitx. Il-każ ikompli jinstema’ fil-11 ta’ Settembru.