“Jien nifhem id-diffikultajiet tagħkom għax bħala studenta Għawdxija, jiena għaddejt minnhom u ser nagħmel dak kollu possibli biex ngħelbu l-isfidi li jiffaċċjaw l-istudenti Għawdxin li jistudjaw Malta.” Dan kien il-messaġġ ċar li għaddiet il-Ministru għal Għawdex, Justyne Caruana, lill-membri tal-Grupp Universitarji Għawdxin waqt żjara li għamlu ġewwa l-bini tal-Ministeru sabiex jiġu diskussi l-proposti ta’ qabel il-baġit.
Caruana qalet li l-Partit Laburista ressaq għadd ta’ proposti konkreti li ġew inklużi fil-manifest elettorali u li eventwalment ġie approvat mill-poplu fl-aħħar elezzjoni ġenerali. Dawn il-proposti tanġibbli, ser jibdew jiġu mwettqa hekk kif f’Ottubru li ġej ser jiġi ppreżentat l-ewwel baġit ta’ din l-amministrazzjoni. Il-Ministru Caruana irrimarkat kif preżentament għaddejjin diskussjonijiet mal-Ministeri konċernati sabiex jiġu elenkati l-prioritajiet li għandhom jiġu implimentati. Uħud mill-proposti ivarjaw mill-isfida tal-kera li qed iħabtu wiċċhom magħhom l-istudenti u familji Għawdxin, is-servizz tal-fast ferry kif ukoll l-użu aħjar tal-faċilitajiet li joffri l-Gozo Campus fi ħdan l-Universita’ ta’ Malta.
Fuq dawn l-inizjattivi qablu ukoll l-membri tal Grupp Univeristarju Għawdxi fejn huma ukoll elenkaw lista ta’ inizjattivi u proposti li għandhom jiġu ikkunsidrati. F’uħud mill-proposti diġa’ hemm qbil unanimu u li l-Ministru Caruana ikkonfermat li ser jingħataw prijorita’.
Justyne Caruana qalet li laqgħat bħal dawn huma ċ-ċavetta sabiex il-partijiet konċernati jikkomunikaw aħjar u jinstabu soluzzjoniet prattici li minnhom igawdi kulħadd. Ħeġġet lil dawn l-istudenti biex jibqgħu attivi u jsemmgħu leħinhom mhux biss f’Għawdex imma wkoll f‘fora oħra Nazzjonali hekk kif qed isir l-preparamenti għall parlament taz-Żgħażagħ li jinzamm fl-ogħla istituzzjoni tal–pajjiż u allura iż-żgħażagħ Għawdxin għandhom opportunita’ tajba ħafna ta’ pjattaforma nazzjonali biex isemmgħu leħinhom.