Fl-awla tal-Qorti beda s-smiegħ għar-revoka tad-digriet mogħti mill-Maġistrat Ian Farrugia. Li dwaru saru total ta’ seba’ rikorsi.
Is-smiegħ sar wara bibien magħluqa minħabba li l-każ għadu fi proċedura ta’ inkjesta.
Qabel beda dan is-smiegħ instemgħet it-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil biex l-Imħallef Antonio Mizzi ma jismax l-appell dwar jekk għandiex issir inkjesta Maġisterjali dwar iċ-Chief of staff tal-Prim Ministru u l-Ministru għat-Turiżmu.
Bis-smiegħ dwar ir-rikuża tal-Imħallef Antonio Mizzi ġie differit għal 11 ta’ Settembru.
Aktar Qabel: Fil-Qorti llum qed tinstema’ t-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil biex l-Imħallef Antonio Mizzi ma jismax l-appell dwar jekk għandiex issir inkjesta Maġisterjali dwar iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri u l-Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi. Dan għaliex mart Mizzi hija l-Ewroparlamentari Laburista Marlene Mizzi. Xi ħaġa li ġabet il-kundanna tal-Kamra tal-Avukati.
Dan wara rikors ieħor li għamel hu biex Maġistrat jinvestiga l-istess allegazzjonijiet li diġà qed jinvestigaw Maġistrati oħra.
Fl-awla tal-Qorti se jibdew jinstemgħu wkoll ir-rikorsi li saru mis-seba’ persuni li jissemmew fid-digriet mogħti mill-Magistrat Ian Farrugia. Dan wara li ressqu rikorsi fil-Qorti għar-revoka tad-digriet tal-Maġistrat Farrugia.