Il-Malta Freeport Corporation (MFC) ingħatat estenzjoni tal-liċenzja u l-kera tal-Malta Freeport Terminals għall-30 sena oħra kif stipulat fil-ftehim ta’ konċessjoni wara li ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet oriġinali tal-ftehim.
Waqt l-attivita’ ġew imħabbra numru ta’ inizjattivi, bħall-proġett Green Boundary, bħala parti mill-proġett ta’ responsabilità soċjali korporattiva fil-kommunita’ ta’ Birżebbuġa.
Waqt iċ-ċerimonja il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Miżżi enfasizza li l-estenzjoni qed tingħata lill-MFT wara li l-Gvern ivverifika li l-kumpanija ssodisfat il-kundizzjonijiet neċessarji bħal dawk li l-kapaċita tat-terminals tiżdied għal ta’ lanqas 3 miljun TEU.
Mizzi spjega kif l-MFT hija hub ewlieni ta’ trasbord fir-reġjun tal-Mediterran u tikontribwixxi għall- medja annwali ta’ €105 miljun fl-ekonomija Maltija.
Mizzi qal li investimenti addizjonali fit-trasbord u fl-imħażensa mistennija jagħtu kontribuzzjoni soċjali pożittiva fl-ekonomija maltija f’kuntest ta’ sostenibilita’.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kumpanija Alex Montebello qal li dan huwa pass storiku għall-Malta Freeport Terminals wara li l-kumpanija mhux biss onorat l-obligazzjonijiet tagħha iżda wkoll eċċediet il-kriterji stabbiliti fil-kuntratt tal-liċenzja li mistenni jiskadi fl-2039.
Is-Sur Montebello qal li l-Malta Freeport Terminals esperjenzat tkabbir konsiderevoli tul dawn l-aħħar snin u illum il-ġurnata tinsab fit-12-il post fl-aqwa portijiet fl-Ewropa u t-tielet l-ikbar ċentru loġistiku għat-trasbord fil-Mediterran.
Waqt l-istess attivita’ ġie ffirmat ftehim bejn il-Malta Freeport Terminals u l-Malta Freeport Corporation fejn il-kumpanija obligat ruħha li tkun ta’ sostenn għall-kommunita’ f’Birżebbuġa permezz ta’ diversi proġetti fosthom proġett infrastrutturali li jkopri żona ta’ madwar 5,000 metru kwadru. Proġett li se jservi bħala żona ta’ rikreazzjoni għall-komunita’ kif ukoll jaqta’ iż-żona tal-Freeport minn mal-villaġġ.
L-MFT se tkun qed tiżviluppa dan il-proġett b’kollaborazzjoni mal-entitajiet tal-Gvern konċernanti. Spazju ta’ parkeġġ fuq diversi sulari li jkun mitfuħ għall-pubbliku ġenerali se jkun qed jiġi żviluppat fuq art użata mill-kumpanija. Il-kumpanija se tkun qed tkompli bil-moniteraġġ ambjentali kif ukoll tassisti finanzjarjament għaqdiet non-governattivi fil-kommunita’.