Hekk kif dalgħodu ssoktaw it-tfittxijiet għaż-żewġ żgħażagħ li ntlemħu l-aħħar il-Ġimgħa filgħodu, Nick Johnson u Mark Petric instabu ħajjin. L-ewwel tagħrif li għandna b’rabta mas-sejba taż-żewġ żgħażagħ li għebu l-aħħar jiem juri li ż-żgħażagħ kienu fuq l-art f’xifer l-irdum fl-Imtaħleb u mhux fil-baħar.
Kien meta raw il-Melita II li qabżu l-baħar u hemm itellgħu mid-dgħajsa li l-armata tuża għat-tfittxijiet. Fl-aħħar ħinijiet ddaħlu ċ-Ċirkewwa wara li tentattiv biex jittellgħu l-Ġnejna falla minħabba t-temp.
B’hekk jidher li kien il-fatt li huma kienu fuq l-art u t-tfittxija ffokat il-baħar li setgħet kienet waħda mir-raġunijiet għaliex damu daqshekk biex instabu.
Iż-żewġ ġuvintur instabu dalgħodu għall-ħabta tas-6:45 ftit il-bogħod miż-żona ta’ fejn instabu l-oġġetti. Fi stqarrija l-Forzi Armati ta’ Malta qalu li l-ġuvintur intlemħu mill-Forzi Armati ta’ Malta waqt tfittixa li qed issir. Intbgħatu l-ħelikopter AW139 u d-dgħajsa Melita II Search and Rescue sabiex jiġu evakwati ż-żgħażagħ.
Iż-żgħażagħ twasslu ċ-Ċirkewwa permezz ta’ dgħajsa peress li l-post fejn instabu ma setgħax jintlaħaq bil-pass.
Fuq il-post hemm tabib fejn eżamina liż-żewġ żgħażagħ li l-Ġimgħa filgħodu telqu bir-rota għall-ħabta tan-12:30. Jidher li ż-żgħażagħ jinstabu b’saħħithom u bħalissa jinstabu fi triqthom lejn l-isptar Mater Dei.
Kien proprju s-Sibt filgħodu li sajjieda li kienu fil-Blata tal-Melħ irrappurtaw li sabu xi oġġetti fuq il-blat. Kien wara li missier wieħed mill-ġuvintur li ċempel fuq wieħed mill-mowbajls, u qabdu Pulizija, li bdiet it-tfittxija għal Mark u Nick.
Il-Ħadd filgħodu omm wieħed miż-żgħażagħ sabet ir-roti fil-limiti ta’ Fomm ir-Riħ.