Li turi lil xi ħadd il-ġmiel ta’ pajjiżek hija xi ħaġa ta’ sodisfazzjon.
Għalkemm sodisfazzjon iktar u xi ftit iktar piż jiġi meta t-turist tiegħek ikun xi ħadd importanti; xi ħadd li jafu kważi kulħadd madwar id-dinja.
Iltqajna mal-gwida, Ann-Marie Azzopardi. Gwida ta’ esperjenza li għal xi snin tieħu ħsieb ammont kbir iż-żjarat ta’ dawn il-persuni f’pajjiżna. Iżda Ann Marie, ma min iltaqgħet eżattament?
“Niftakar l-iktar għax kienet l-ewwel waħda.. ma’ Enrico Letta l-eks Prim Ministru Taljan.. l-iktar waħda li kienet issemmiet u li għandi ritratti tagħha kienet tal-Prinċep William.. fiċ-CHOGM kont mal-ispouses, fis-summit ukoll ltqajt mal-Prim Ministru tal-Bulgarija, tal-Islovenja, Norveġja, Kroazja.. ma bosta, anke ma’ Ministri Ażjatiċi,” qalet dan Ann Marie.
F’dawn iż-żjarat, Ann Marie jkollha ċ-ċans ukoll li tibqa’ ssegwi lil dawn in-nies anke meta jintfew il-kameras. Staqsejniha jekk tiftakarx xi stejjer ħelwin.
Hi spjegat kif “Niftakar fiċ-CHOGM, kont mal-Prinċep William, u morna dawra bid-dgħajsa. Kienet ħafna sħana, u dar fuqi u qalli li jixtieq jaqbeż jgħum. Ħaġa li impressjonatni kienet l-ammont ta’ sigurtá li kellhu miegħu. Ħarist madwari u rajt ħafna securities, snipers, dgħajjes. Avveniment ieħor konna ma’ delegazzjoni ċiniża, u ried ritratt, u qed nippużaw, u inqalgħet mewġa u xarrbitna għasra.”
L-ors tagħha hu meta dan ix-xogħol jagħtiha ċ-ċans li tara kif verament iħossuhom barranin distinti meta jaraw għeġubijiet Maltin, bħall-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, u l-Port il-Kbir.
Sostniet li “hu ta’ sodisfazzjoni kbir li jibqgħu impressjonati bis-sbuħija tal-pajjiż. X’ħin jidħlu l-kon katidral ta’ San Ġwann kollha jagħmlulek ‘wow’.. ħafna minnhom ikunu daru d-dinja iżda x’ħin jgħidulek l-isbaħ knisja, jew l-isbaħ port hu ta’ sodisfazzjon kbir ħafna.”
U jekk hemm żjara li tibqa’ tiftakar hi dik li spiċċat fuq fomm kulħadd. Ann-Marie kienet inzertat il-gwida tal-grupp, meta tliet Prim Ministri flimkien mal-Prim Ministru Joseph Muscat marru għal pastizz u tazza te għand is-Serkin.