Ix-xahar li għadda, EuRA – the European Relocation Association organizzat il-konferenza annwali tagħha f’Malta, fejn inġabru €25, 000 għall-Fondazzjoni Inspire.
EuRA ġiet iffurmata fl-1998 bil-għan li tippromwovi l-benefiċċji ta’ servizzi ta’ rilokazzjoni u mobilità amministrati b’mod professjonali għal kumpaniji li għandhom impjegati madwar id-dinja.
L-għan tal-konferenza annwali ta’ EuRA hu li tipprovdi bażi għal edukazzjoni, networking u diskussjoni għall-502 membri tagħha, li jiġu minn 112-il pajjiż u erba’ territorji differenti minn madwar id-dinja. Din is-sena l-konferenza laqqgħet 650 delegat minn 64 pajjiż u 3 territorji madwar id-dinja, bl-akbar grupp mir-Renju Unit u t-tieni l-akbar grupp mill-Istati Uniti.
Wara valutazzjoni ta’ diversi organizzazzjonijiet ta’ karità lokali, l-organizzaturi tal-EuRa għażlu lill-Fondazzjoni Inspire, u organizzaw diversi attivitajiet għal ġbir ta’ fondi li jvarjaw minn irkant, għal bejgħ ta’ nuċċalijiet tax-xemx u T-shirts. L-attivitajiet kollha ġew organizzati mill-organizzaturi tal-attività, li rnexxielhom jiġbru €25,000 għall-Fondazzjoni Inspire.
L-Inspire temmen li kulħadd għandu d-dritt għall-ugwaljanza u l-inklużjoni. Il-missjoni tagħha hi li tipprova tgħin lil kull min għandu diżabilità biex jikseb dan, billi tipprovdi lil individwi u lill-familji tagħhom b’servizzi ta’ edukazzjoni, terapija u divertiment. Illum l-Inspire tgħin lil aktar minn 1,000 individwu b’diversi diżabilitajiet li jvarjaw minn Down Syndrome, Awtiżmu, Cerebral Palsy u oħrajn. Dan isir permezz ta’ diversi servizzi u programmi ta’ diżabilità li jiġu offruti b’rata tassew sussidjata u f’ċerti każijiet mingħajr ħlas.